Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar proposta għal investiment ta’ €350 miljun f’sala nazzjonali u ċentru expo fil-Marsa bħala parti minn viżjoni ġdida għall-ekonomija kreattiva u kulturali tal-pajjiż.
Il-proġett, imsejjaħ “Port Distrett Kulturali”, ġie ppreżentat waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn Borg qal li l-PN qed jimmira lejn niċeċ ekonomiċi ġodda li jistgħu joħolqu aktar xogħol u investiment.
Skont il-pjan, is-sala nazzjonali se sservi bħala d-dar permanenti tal-National Philharmonic Orchestra u se jkollha kapaċità ta’ madwar 1,700 persuna. Is-sit ikun jista’ jilqa’ produzzjonijiet kulturali differenti fosthom opra, ballet u spettakli oħra.
Alex Borg sostna li l-investiment għandu jagħti spinta ġdida lill-Marsa u ż-żona tal-Port il-Kbir, filwaqt li joħloq aktar opportunitajiet għall-artisti u professjonisti fis-settur kreattiv. Huwa qal li l-ekonomija kreattiva tista’ tiġġenera sa €110 miljun fis-sena.
Il-kelliema tal-PN għall-kultura Julie Zahra spjegat li l-kumpless se jinkludi wkoll teatru sekondarju b’kapaċità ta’ 600 persuna kif ukoll “black box theatre” għal produzzjonijiet aktar sperimentali.
Hija ddeskriviet il-proġett bħala investiment fit-tul li għandu jservi lill-istudenti, artisti u ġenerazzjonijiet futuri.
Matul l-istess konferenza, Alex Borg ħabbar ukoll proposta oħra relatata mal-ekonomija spazjali u t-teknoloġija, fejn gvern Nazzjonalista jinvesti €12-il miljun fis-setturi tad-data, l-intelliġenza artifiċjali u l-space economy.
Huwa qal li l-PN irid joħloq qafas regolatorju li jattira investiment barrani lejn servizzi relatati mal-analiżi tad-data u teknoloġiji ġodda.
Barra minn hekk, Borg wiegħed li Malta taħdem biex issir membru assoċjat tal-European Space Agency sabiex il-pajjiż ikun jista’ jieħu aktar opportunitajiet fis-settur spazjali.
Il-kelliem tal-PN għall-ekonomija Jerome Caruana Cilia qal li s-settur spazjali qed jikber b’rata mgħaġġla u jista’ jiġġenera madwar €100 miljun għall-ekonomija Maltija.