Żgħażagħ bejn it-18 u l-21 sena se jingħataw Arts Pass ta’ €200 fis-sena taħt gvern Laburista, biex jintuża għal attivitajiet kulturali bħal kunċerti, wirjiet, teatru u films, skont proposta mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela.
L-aħbar tħabbret waqt it-tnedija tal-kampanja taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista, fejn il-Prim Ministru qal ukoll li se jiżdied il-finanzjament għall-Culture Pass, li diġà joffri lill-istudenti esperjenzi artistiċi bħala parti mill-edukazzjoni tagħhom.
Fost il-miżuri mħabbra, Robert Abela qal li gvern Laburista se jsaħħaħ is-servizzi tas-saħħa mentali fl-istituzzjonijiet edukattivi, inklużi MCAST, Junior College u University of Malta.
Skont il-proposta, l-istudenti se jkollhom aċċess għal workshops dwar stress, irqad u ġestjoni tal-ħin. F’każijiet aktar serji, se jkun hemm ukoll servizzi ta’ terapija individwali għal problemi bħal ansjetà, depressjoni, trawma u disturbi tal-ikel.
L-attività kienet indirizzata wkoll mill-President taż-Żgħażagħ Laburisti Miguel Abela, flimkien ma’ panel ta’ żgħażagħ li inkludew lill-kunsillier ta’ Birgu Tristan Duncan, il-President ta’ Solidarjetà Matthew Attard, iċ-champion dinji tal-weightlifting Tenishia Thorton u Gilmore Borg.