Il-PN jipproponi “Mediterranean Maritime Fuel Hub” f’Hurd’s Bank

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li l-proġett jista’ jiġġenera €450 miljun fl-ewwel tliet snin u jsaħħaħ il-pożizzjoni strateġika ta’ Malta

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar proposta biex jinħoloq “Mediterranean Maritime Fuel Hub”, li jinkludi l-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-bunkering qrib Hurd’s Bank.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li dan il-proġett jista’ jiftaħ niċċa ekonomika ġdida għal Malta, b’potenzjal li jiġġenera madwar €450 miljun fl-ewwel tliet snin ta’ operat. Huwa żied li l-hub jippermetti wkoll li t-tanker tal-LNG li bħalissa jinsab ankrat f’Delimara jiġi rilokat lejn din iż-żona.

Hurd’s Bank tinsab barra l-ilmijiet territorjali ta’ Malta, iżda tagħmel parti miż-Żona Ekonomika Esklussiva tal-pajjiż.

Il-PN spjega li Malta tinsab viċin wieħed mill-aktar rotot marittimi traffikużi fil-Mediterran, iżda bħalissa mhix qed tisfrutta biżżejjed dan il-vantaġġ ġeografiku.

Alex Borg iddeskriva l-proġett bħala wieħed li jista’ joffri benefiċċji ekonomiċi mingħajr ma joħloq piż fuq l-infrastruttura jew l-ambjent, u wiegħed li jkun operattiv fi żmien l-ewwel leġiżlatura ta’ gvern Nazzjonalista.

Il-partit sostna wkoll li l-proġett ikun flessibbli, billi inizjalment jiffoka fuq vapuri li jużaw fuels tradizzjonali bħall-LNG, iżda aktar ’il quddiem ikun jista’ jinkludi sorsi alternattivi bħall-idroġenu u l-ammonja.

More in Elezzjoni 2026