Il-pulizija bdiet tqassam id-dokumenti tal-vot minn dar għal dar mit-Tnejn, proċess li se jkompli għaddej sal-15 ta’ Mejju.
Il-kummissjoni elettorali qalet li d-distribuzzjoni se ssir kuljum bejn it-8am u s-1pm, u bejn it-3pm u d-9pm.
Id-dokumenti qed jitqassmu lil dawk kollha li isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali ppubblikat fl-1 ta’ Mejju, suġġett għal tibdil jew korrezzjonijiet li jistgħu jiġu ordnati mir-Revising Officer. Dawn il-persuni huma eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li se ssir is-Sibt 30 ta’ Mejju.
Skont il-Kummissjoni, id-dokument tal-vot għandu jitwassal biss fl-indirizz fejn il-votant ikun irreġistrat. Huwa meħtieġ li jkun hemm persuna responsabbli ta’ aktar minn 16-il sena — li tkun qarib, jew li tgħix jew taħdem fl-istess residenza — biex tirċievi d-dokument.
Min jirċievi d-dokument ikun mitlub jikkonferma l-irċevuta tiegħu billi jiffirma fuq apparat elettroniku pprovdut mill-uffiċjal tal-pulizija.
Il-liġi elettorali tippermetti wkoll li rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-pulizija waqt id-distribuzzjoni. Dawn ir-rappreżentanti jkollhom badge ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali, li jridu jippreżentaw jekk jintalbu.
Il-Kummissjoni enfasizzat li dan id-dokument huwa essenzjali biex wieħed ikun jista’ jivvota fil-jum tal-elezzjoni, u li ħadd ma jitħalla jivvota mingħajru.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jiċċekkja jekk isimhom jinsabx fir-Reġistru Elettorali permezz tal-websajt tal-Electoral Commission.