Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Partit Laburista li matul il-kampanja elettorali qed jagħmel diversi “U-turns” u jadotta proposti li qabel kien oppona.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema tal-PN Rebekah Borg qalet li l-partit identifika għaxar każijiet fejn il-PL biddel il-pożizzjoni tiegħu. Hija sostniet li l-PN qed imexxi d-diskors politiku filwaqt li l-PL qed isegwi.
Fost dawn, hija semmiet il-proposta tal-child trust fund, fejn il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar bonus ta’ €5,000 għal kull twelid. Hija rrimarkat li Alex Borg kien diġà ppropona fond simili għal kull tifel jew tifla, li jikber sakemm jilħaq l-età ta’ 18-il sena.
Rebekah Borg semmiet ukoll il-qasam tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, fejn qalet li fl-2022 il-PN kien ippropona estensjoni tal-leave tal-maternità u paternità, li skont hi kienet ġiet miċħuda mill-Gvern. Issa, qalet, il-PL qed jipproponi żieda fil-leave tal-maternità.
Hija żiedet li l-PN ilu jsejjaħ għal riforma komprensiva fil-qasam tal-ippjanar, filwaqt li kkritikat lill-PL talli inizjalment ressaq liġijiet mingħajr konsultazzjoni u mbagħad sostna li laħaq ftehim ma’ NGOs.
Dwar il-ġimgħa ta' xogħol fuq erbat ijiem, Rebekah Borg qalet li filwaqt li l-Gvern kien jikkritika din l-idea, issa qed jipproponi “compressed week”, li skont hi hija l-istess kunċett b’isem differenti.
Il-kandidat tal-PN Errol Cutajar attakka wkoll lill-PL fuq is-settur tas-saħħa, u qal li l-partit nieqes mill-kredibbiltà wara l-każ tal-Vitals-Steward.
Huwa rrimarka li fl-2021 il-PN kien diġà ppropona li mediċini relatati mal-kanċer jingħataw b’xejn, u sostna li taħt gvern immexxi minn Alex Borg din il-miżura tiġi implimentata.
Dwar it-trasport lejn Għawdex, Errol Cutajar qal li gvern Nazzjonalista jibni żewġ vapuri ġodda – wieħed għall-passiġġieri u ieħor għall-merkanzija – u sostna li l-PL reċentement adotta l-istess proposta.
Huwa semma wkoll il-proġett tal-interconnector, li beda taħt gvern Nazzjonalista, u qal li wara li l-PL kien jikkritikah, issa qed jinvesti fit-tieni interconnector u qed jikkunsidra t-tielet wieħed.