Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qajmet dubji dwar il-pjan tal-Partit Nazzjonalista fis-settur tal-enerġija, fejn sostniet li “in-numri ma jaqblux” u li l-projezzjonijiet imressqa huma żbaljati.
Ir-reazzjoni tagħha ġiet wara li l-PN ħabbar li gvern tiegħu jnaqqas il-kontijiet tal-elettriku fid-djar b’madwar 30% permezz ta’ pakkett ta’ miżuri li jiswa €30 miljun. Dan jinkludi t-tneħħija tal-ħlas annwali tal-meter, tibdil fil-faxex tal-elettriku u aġġustamenti oħra fis-sistema tal-kontijiet.
Skont il-PN, din l-ispiża tkun ikkupensata permezz ta’ investiment ta’ €60 miljun f’pannelli solari fuq binjiet pubbliċi, li suppost jiġġeneraw iffrankar sostanzjali fl-enerġija.
Madankollu, Miriam Dalli sostniet li l-kalkoli tal-PN huma żbaljati u li l-enerġija li mistennija tiġi prodotta mill-pannelli solari lanqas biss tilħaq nofs l-iffrankar li qed jiġi allegat.
Hija qalet ukoll li mhix realistika l-pretensjoni li investiment ta’ €60 miljun jista’ jiġi rkuprat fi żmien sentejn, u spjegat li anke bil-għajnuniet tal-gvern, normalment jieħu madwar seba’ snin biex investiment bħal dan jirrendi lura.
Il-Ministru żiedet li anke jekk wieħed jaċċetta dawn il-kalkoli, l-iffrankar ikun limitat għal madwar €10 fix-xahar għal kull familja, li ma jikkorrispondix ma’ tnaqqis ta’ 30% fil-kontijiet kif qed jiġi sostnut mill-PN.
Miriam Dalli ikkritikat ukoll dak li sejħet “konfużjoni” fil-pożizzjoni tal-PN dwar is-sussidji tal-enerġija. Hija rriferiet għal kummenti preċedenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, li kien qal li s-sussidji huma temporanji, kif ukoll għal dikjarazzjonijiet tal-MP Adrian Delia dwar l-enerġija rinovabbli.
Fl-istess waqt, il-Ministru insistiet li l-politika tal-enerġija tal-Partit Laburista hija kredibbli u bbażata fuq esperjenza prattika, filwaqt li wegħdet stabbiltà fil-prezzijiet u aktar investiment fis-settur.