Il-Kawża Kostituzzjonali miftuħa mill-partit ADPD se tkun qed tibda tinstema' nhar it-Tnejn li ġej jinsab infurmat dan is-sit.
Kien il-ġimgħa l-oħra li l-ADPD ħabbret illi se tiftaħ kawża Kostituzzjonali li permezz tagħha qed titlob lill-Qorti li ssib li hemm, fil-proċess elettorali li għadu kif kien konkluż, ksur ta’ diversi drittijiet, imħarsa kemm mill-kostituzzjoni ta’ Malta, kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem u dik dwar id-dritt ta' elezzjoni ħielsa.
L-ADPD qed tibbaża l-argument tagħha fuq żewġ mekkaniżmi, jiġifieri dak tal-proporzjonalità - li ta lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista żewġ siġġijiet addizzjonali sabiex b'hekk in-numru ta' deputati parlamentari jkun jirrifletti l-voti li kiseb il-Partit Nazzjonalista. Qed tagħmel l-argument ukoll kontra l-Mekkaniżmu Korrettiv tal-Ġeneru li kif sar, jitħaddem biss meta jkun hemm iż-żewġ partiti l-kbar fil-Parlament.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti ċ-Chaiperson tal-ADPD Carmel Cacopardo kien qal illi permezz ta' dawn il-mekkaniżmi kif maħdumin, ġew injorati l-voti miksuba mill-partit ADPD fl-ewwel għadd li jammontaw għal 4,747 vot - ammont li hu ikbar mill-kwota nazzjonali. "Din id-diskriminazzjoni tiżvaluta l-proċess demokratiku u dan billi l-voti tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista qed jingħataw valur billi jiġu kkunsidrati filwaqt li l-voti ta’ ADPD qed jiġu skartati kompletament," kien stqarr Cacopardo.