'Għażiż Bernard...' Messaġġ dirett lill-PN u lil Bernard Grech wara l-akbar telfa fl-istorja!

Ħadd wara l-akbar disfatta elettorali għall-Partit Nazzjonalista, il-ġurnalist Yendrick Cioffi janalizza dak li għamel ħażin il-PN u fuq kollox dak li hemm bżonn jagħmel illum qabel għada fil-forma ta' artiklu indirizzat direttament lejn il-votanti Nazzjonalisti u lejn Bernard Grech

Bernard Grech, Kap tal-PN
Bernard Grech, Kap tal-PN

L-Elezzjoni Ġenerali għaddiet. Ir-riżultat huwa magħruf u ma hemmx ħafna xi tgħid dwaru. Il-Partit Laburista għamel rebħa storika u kif qal l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-poplu mhux tkellem imma “werżaq” u l-akbar messaġġ reġa’ kien għal Partit Nazzjonalista.

Issa ma hemmx skużi. Fl-2013, il-PN seta’ ġab l-iskuża li kien ilu fil-Gvern u kien wasal biex jitlef. Fl-2017 seta’ jgħid li kien għadda wisq ftit żmien biex in-nies terġa’ tafdah. Issa ma fadallux aktar skużi. Issa jrid jifhem li l-problema hija fonda. Xi ħaġa ħażina qed jagħmel u jeħtieġ jindirizzaha jekk ma jridx li jispiċċa rrelavanti u jkun tard wisq.

F’dawn iż-żewġ paġni, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tanalizza dak li għamel u qed jagħmel ħażin il-PN u dak li jrid jagħmel malajr kemm jista’ jkun minn issa ‘l quddiem biex ma jitlifx iktar żmien.

Ħallikom miċ-ċekkijiet! Araw x’għamiltu ħażin intom

L-ewwel ħaġa li tridu tagħmlu intom tal-Partit Nazzjonalista hija li tieqfu tipprovaw twaħħlu f’dak li għamel ħażin il-Gvern jew il-kandidati tiegħu. Tintilfux f’ċuċati. Tridu tidħlu daħla fikom infuskom u tindunaw fejn qed tiżbaljaw intom, x’qed tagħmlu ħażin u għaliex il-messaġġ tagħkom mhux qed jasal.

Bernard il-kumment dwar iċ-ċekkijiet kien żejjed. Kieku tlift l-Elezzjoni Ġenerali b’xi 2,000 vot nifhmu dak l-argument imma l-PN tilef b’40,000 vot. Dawn żgur mhux kollha nxtraw b’ċekk. Meta għaddejt dak il-kumment, ftit ħin biss wara telfa straordinarja, kont qed titratta lill-votanti ta’ Ġaħan. Lanqas ħaqq kemm tkażajt b’Edward Zammit Lewis. Int għamilt bħalu eżatt.

Ieqfu aħsbu li l-Maltin ma jafux jivvotaw. Ħarsu biss lejn dak li għamlu n-Nazzjonalisti li marru jivvotaw. Ħarġu jivvotaw għal kandidati ġodda, uċuh ġodda u xkupaw ‘il barra mill-Parlament lil dawk li diġà kienu parti mit-telfiet kbar li ġarrab il-Partit Nazzjonalista. Kunu umli! Tkunux arroganti. Kunu kapaċi tgħidu ‘mea culpa.’ Meta tammettu li żbaljajtu tkunu kapaċi timxu ‘l quddiem

Hemm ħafna messaġġi li wieħed irid jieħu minn din l-elezzjoni. Anke l-Partit Laburista jrid jifhem għaliex naqqas fil-voti u ħafna nies għażlu li jibqgħu d-dar. Imma l-akbar sinjali ntbagħtu lilkom tal-Partit Nazzjonalista ġaladarba bqajtu ma tridux tisimgħu. In-nies xebgħu mill-politika tal-passat. Ir-riċetta ta’ Simon Busuttil, anke jekk forsi hija tajba u ġusta, in-nies ma tridhiex. 

Meta tajru ‘l barra lill-aktar persuni voċiferi, fosthom Jason Azzopardi u anke Karol Aquilina kienu qed jgħidulkom ċar u tond li jridukom tinqatgħu minn din in-narrattiva u tbiddlu l-atteġġjament tagħkom.

Mhux qed ngħidulkom biex tieqfu titkellmu kontra l-korruzzjoni speċjalment meta taraw lill-Gvern jitħanżer. Imma l-ewwel u qabel kollox tridu toffru alternattiva lin-nies! 

Tridu tkunu kredibbli u toffru stabbilità ... inkella kollox inutli

Biex toffru altenattiva, l-ewwel u qabel kollox tridu tkunu kredibbli u toffru stabbilità. Ħadd mhu se jafdakom qabel tieħdu ħsieb dawn iż-żewġ fatturi.

Tistgħu ddumu tgħidu li ħriġtu programm elettorali qabel il-Labour. Tistgħu ddumu tgħidu li l-Labour qed jikkupjakom (battuta li dejjaqtu l-kulħadd għaddejin biha kampanja sħiħa). 

Sakemm mhux se tkunu kredibbli u toffru garanzija ta’ stabbilità, tistgħu toħorġu bl-aqwa proposti u twiegħdu l-ilma jiżfen, għax in-nies mhux se teħodkom bis-serjetà. In-nies, jibdew jagħtu kas dak li qed tgħidu intom u jikkunsidraw dak li qed tipproponu meta jaraw fikom potenzjal li tistgħu titilgħu t-taraġ ta’ Kastilja. S’issa, lanqas sal-bankina ta’ quddiemha ma jarawkom.

Ħadd mhu se jafda fit-tmexxija ta’ pajjiż, partit mifni bi problemi interni, għax tistgħu tgħidu kemm tridu, imma kulħadd jaf li għadkom maqsuma u għadkom ma tistgħux tpoġġu madwar mejda u titkellmu bħan-nies. Prova ta’ dan huma t-tliet Deputati li qalulkom ċaw u rtiraw il-kandidatura tagħhom fl-ewwel ġurnata tal-kampanja.

Din hija problema serja li jeħtieġ tindirizzaw malajr kemm jista’ jkun, illum stess jekk hemm bżonn. Sakemm ma tagħmlux dan, tistgħu titkellmu kemm tridu fuq korruzzjoni u tistgħu toħorġu kemm tridu viżjoni għal Malta, għax ħadd mhu se jafdakom! 

Il-viżjoni tagħkom għalissa għandha tkun kif se ssewwu l-ħsara li għamiltu lill-PN u mhux kif se ssewwu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Ir-reputazzjoni li bnejtu għalikom infuskom fl-aħħar snin hija biżżejjed. Ibdew billi ssewwu dik.

Bernard aħsibha sew! Taħlux ħames snin oħra...

Issa se nduru fuqek Bernard Grech. Nafu. Ma tistax terfa’ t-tort tat-telfa kollu fuqek. F’sena ħadd ma kien qed jistenna li tagħmel il-mirakli. Nafu li inti raġel fuq l-irġiel u kkonfermajna dan meta nhar il-Ħadd ġejt in-Naxxar u għannaqt lil kull voluntier tal-PN u anke lil dawk tal-Partit Laburista. Nafu li trid l-aħjar għall-PN u għall-pajjiż. Nammirawk għax minkejja kollox irnexxielek tagħmel kampanja. 

Imma aħsibha sew! Inti għidt li trid tibqa’ Kap tal-PN. Imma taħseb li din deċiżjoni għaqlija? Kellek tiddeċiedi dakinhar? Anke jekk it-tort mhux tiegħek, it-telfa ta’ kważi 40,000 vot se tkun it-timbru tiegħek. Anke jekk inti ma tistax terfa’ r-responsabbilità waħdek, inti l-Kap ta’ partit li ġarrab telfa storika. Diffiċli biex tibda tidher kredibbli jew inkella Prim Ministru alternattiv. Miegħek trid terfa’ r-responsabbilità u twarrab, it-tmexxija kollha.

Għalhekk, aħsibha sew! Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jitlef aktar żmien. Il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jibda paġna ġdida malajr kemm jista’ jkun. Ftakar li l-elezzjoni li jmiss mhijiex ħames snin oħra. L-elezzjoni li jmiss se tkun tliet snin oħra meta nerġgħu nivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.

Sa dak iż-żmien, il-PN irid ikun issaħħaħ. Ma jistax ikun li jmur għal dik l-elezzjoni u jerġa’ jitlef b’dan id-distakk. F’dik l-elezzjoni l-PN irid jibgħat messaġġ li għadu hemm, li għadu relevanti u li fl-2027 jista’ joffri kompetizzjoni lill-Partit Laburista.

Tagħmlux l-iżball li tistennew biex taraw x’se jiġri u jekk titilfu tbiddlu kollox dak iż-żmien, bit-tama li Roberta Metsola tkun tista’ tiġi ssalvakom. Jekk se tagħmlu dan, se tkunu qed terġgħu taħlu ħames snin. Barra minn hekk, x’garanzija għandkom li Metsola se tinżel Malta?

Il-Partit Nazzjonalista, malajr kemm jista’ jkun jeħtieġ li jerġa’ jqum minn din id-damdima, jaqleb il-paġna u diffiċli kemm hu diffiċli jerġa’ jibda jimxi ‘l quddiem. Għalhekk iddumux taħsbuha. Malajr kemm jista’ jkun lestu dan il-proċess. 

Din mhux se tkun konferma għall-Kap. Din se tkun elezzjoni għall-Kap u għalhekk jista’ jkun hemm min jikkontesta lil Bernard Grech. Lilkom li forsi se tieħdu sehem f’din it-tiġrija nagħtukom parir wieħed. Ikun xi jkun ir-riżultat baxxu raskom! Tibqgħux tissuppervjaw u ssabtu saqajkom. Jekk se tagħmlu hekk, it-tmiem tal-PN se jkun invevitabbli. 

Organizzaw lilkom infuskom u kunu kapaċi tikkomunikaw ... Ħdejn il-Labour lanqas bdejtu

Wara li tammettu li żbaljajtu, wara li tlestu dan li jitlob l-istatut u forsi tibdew tidhru aktar kredibbli u stabbli, tridu tkunu kapaċi torganizzaw lilkom infuskom u tikkomunikaw tajjeb. 

Għandkom problema kbira. Il-messaġġ tagħkom mhux qed jasal. Mhux biss għax in-nies mhux jarawkom kredibbli u stabbli imma anke għax mhux kapaċi twasslu tajjeb il-messaġġ tagħkom. Ir-riklami fuq Facebook u YouTube mhumiex biżżejjed. Tridu tagħmlu ħafna aktar minn hekk. Il-komunikattiva tagħkom hija batuta mmens. Iġġibux l-iskuża tar-riżorsi. Biex tikkomunika tajjeb messaġġ trid sempliċiment strateġija u organizzazzjoni.

Ftaħartu li ħriġtu programm elettorali 100 siegħa wara l-Prim Ministru sejjaħ l-Elezzjoni Ġenerali. Kellkom proposti tajbin. Mhux waħda jew tnejn! Ħafna proposti kienu eċċellenti. Dak li hu tajjeb ngħidulu tajjeb. Imma x’jiswa jekk ma tikkomunikahomx tajjeb? Sat-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali kontu għejjejtu u ħadd ma kien qed jitkellem dwar il-proposti tagħkom.

Dan apparti li għamiltu kampanja titkellmu fuq l-imbierka prinċipji ESG! Ara Ċikka tal-grocer u Charlie tal-ħaxix, bir-rispett kollu lejhom, x’għala biebhom mill-ESG.

Lill-Partit Laburista għajjartuh li ħareġ il-programm elettorali tard għax ma kienx ippreparat (ħadd ma emminkom meta kontu tgħidu hekk) imma kien kapaċi jikkomunika l-proposti tiegħu. Spjega l-proposti l-aktar importanti ftit ftit u mhux ħareġ kollox f’salt qiesu xi ħadd qed jiġri warajh. 

Apparti l-kommunikattiva tridu tkunu organizzati u mhux tagħmlu l-froġa li għamiltu bil-famuża trackless tram! Trackless kontu intom għax lanqas kontu tafu x’se taqbdu tgħidu fuqha! L-ewwel u qabel kollox, kieku vera kienet proposta studjata kontu ġġibu l-esperti jitkellmu. Bir-rispett kollu lejkom, imma la inti Bernard u lanqas intom Toni Bezzina u Ryan Callus ma għandkom esperjenza f’dan il-qasam. Stajtu ħadtu pass lura u ġibtu l-esperti jitkellmu u jwieġbu l-mistoqsijiet. 

Jekk imbagħad ridtu tidhru intom, stajtu wkoll tagħmlu dan wara li kulħadd ikun jaf xi jrid jgħid. Imma intom le. L-ewwel ħriġtu tgħidu li se jkollha karreġġjata għaliha, imbagħad li mhux se twessgħu t-toroq u f’daqqa waħda jiġi Bernard jgħidilna li “se nwessgħu fejn meħtieġ.” Ħawwadni se nifhmek. Ara kif stajtu tkunu kredibbli. 

Anke fejn jidħlu d-dibattiti. Kien hemm aspetattiva għal Bernard Grech. Imma Robert Abela mar għad-dibattiti u kien aktar ippreparat, kompost u seren fit-tweġibiet tiegħu. Indunajtu xi ħaġa? Indunajtu li lejliet id-dibattitu, Robert Abela ħa pass lura mill-attivitajiet tal-kampanja li kienu jsiru filgħaxija? X’taħsbu li kien qed jagħmel? Mhux jipprepara għad-dibattitu ma’ tim sħiħ ta’ nies. Intom stajtu għamiltu l-istess.

Kunu viċin in-nies! Mid-dar ċentrali mhu se tbiddlu xejn! Isimgħu lin-nies! Lil kulħadd!

Il-periklu huwa li wara din id-damdima, taqgħu f’apatija kbira. Imma għall-ġid tagħkom u tan-nies tagħkom stess ma tistgħux tagħmlu dan. Tridu tqumu għall-okkażjoni u tbiddlu dak li hemm bżonn. Minn issa tridu tkunu viċin in-nies. F’sena qabel l-elezzjoni mhu se tagħmlu xejn.

Ħallikom mid-Dar Ċentrali. Wara li tidħlu daħla fikom infuskom u tbiddlu dak li hemm bżonn,  l-uffiċċju tagħkom għandu jkun it-triq. Morru u tkellmu man-Nazzjonalisti li baqgħu d-dar. Morru u tkellmu ma’ dawk l-eluf li baqgħu d-dar u ma vvotaw lil ħadd. Uruhom li intom kredibbli u li tistgħu tagħmlu differenza.

Jekk għalikom din l-elezzjoni kienet disfatta kbira, tatkom vantaġġ ukoll. Ħarsu lejn il-Grupp Parlamentari l-ġdid. Se jkollkom Grupp Parlamentari żagħżugħ u mżewwaq. Se jkollkom Grupp Parlamentari b’enerġija u b’ideat ġodda. Taħluhx! 

Taħlux liż-żgħażagħ li ġew eletti. Dawn jistgħu jqarrbukom lejn faxex ta’ nies li tbiegħdu għal kollox mill-Partit Nazzjonalista. Dawn jistgħu jkunu l-vuċi tagħkom ma’ dawn in-nies u jerġgħu jikkonvinċuhom jafdaw lill-Partit Nazzjonalista. Dawn għandhom perspettiva differenti minn ħafna oħrajn fil-PN. Twarrbux l-ideat tagħhom. Tliftu biżżejjed nies għax rajtu biss sa mneħirkom u bżajtu mill-affarijiet il-ġodda. 

Mhux qed ngħidulkom biex tabbandunaw il-prinċipji tagħkom imma tridu tkunu kapaċi tiddjalogaw man-nies anke fuq kwistjonijiet li għalikom kienu, għadhom u forsi jibqgħu tabù. Tagħlqu l-bieb għal ħadd. Tkellmu ma’ kulħadd. Anke ma’ min ma jaqbilx magħkom, spjegawlhom b’rispett il-pożizzjoni tagħkom u kif intom tistgħu tgħinuhom. Hekk biss tistgħu tibnu mill-ġdid ir-rispett. Id-Deputati żgħażagħ jistgħu jkunu s-salvazzjoni tagħkom, jistgħu jkunu opportunità. 

Għandna bżonn lill-Partit Nazzjonalista

Għidnilkom dan kollu u forsi bi kliem iebes ukoll għax ġenwinament nemmnu li l-pajjiż għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista biddel lill-Malta u għad fadallu ħafna x’joffri jekk iqum għall-okkazzjoni. 

Illum aktar minn qatt qabel għandna bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha. Il-ħames snin li ġejjin mhux se jkunu faċli u l-PN jeħtieġ li jkun hemm. 

Mela qumu għall-okkażjoni, għamlu dak li hu meħtieġ. Jekk se taqtgħu qalbkom issa jaf ikun tard wisq.

More in Elezzjoni 2022