Żvolta bla mistenni: Żewġ elezzjonijiet każwali fid-disa' distrett iwasslu biex Randolph Debattista jkun co-opted

Il-Partit Laburista jiżvela wkoll min se jwaqqa' liema distretti, biex isiru l-elezzjonijiet każwali

Peress li l-Partit Laburista se jkun qed iċedi żewġ siġġijiet fuq id-Disa' Distrett u għad fadal biss kandidat wieħed x'jitla' - Rebecca Buttigieg - dan ifisser li nfetaħ post għal co-option, liema post se jkun qed jokkupah Randolph Debattista. Kien il-Prim Ministru Robert Abela li ressaq quddiem l-Eżekuttiv Nazzjonali l-isem ta’ Debattista sabiex ikun co-opted fil-Parlament Malti wara li jitlesta l-proċess elettorali.

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista ntqal li fl-ewwel laqgħa tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista b’mod konġunt mal-Grupp Parlamentari wara l-elezzjoni ġenerali, ġie skattat il-proċess li bih jiġi deċiż liema distretti jiġu vakanti f’każ li Membri Parlamentari jkunu eletti  minn żewġ distretti. 

B’voti sigrieta waqt din il-laqgħa, ġie deċiż li:

  1. Il-Prim Ministru Robert Abela ġie elett mit-tieni u l-ħames distrett. L-Eżekuttiv iddeċieda li jiġi ċedut is-siġġu mill-ħames distrett.
  2. Chris Fearne ġie elett mit-tielet u r-raba’ distrett. L-Eżekuttiv iddeċieda li jiġi ċedut is-siġġu mir-raba’ distrett.
  3. Clyde Caruana ġie elett mit-tieni u t-tmien distrett. L-Eżekuttiv iddeċieda li jiġi ċedut is-siġġu mit-tieni distrett.
  4. Owen Bonnici ġie elett mit-tielet u l-ħames distrett. L-Eżekuttiv iddeċieda li jiġi ċedut is-siġġu mit-tielet distrett.
  5. Ian Borg ġie elett mis-sitta u s-seba’ distrett. L-Eżekuttiv iddeċieda li jiġi ċedut is-siġġu mis-sitt distrett.
  6. Silvio Schembri ġie elett mis-sitta u s-seba’ distrett. L-Eżekuttiv iddeċieda li jiġi ċedut is-siġġu mis-seba’distrett.
  7. Clifton Grima ġie elett mid-disa’ u l-għaxar distrett. L-Eżekuttiv iddeċieda li jiġi ċedut is-siġġu mid-disa’ distrett.
  8. Miriam Dalli ġiet eletta mill-ħames u l-ħdax-il distrett. L-Eżekuttiv iddeċieda li jiġi ċedut is-siġġu mill-ħdax distrett.
  9. Michael Falzon ġie elett mid-disa’ u l-għaxar distrett. L-Eżekuttiv iddeċieda li jiġi ċedut is-siġġu mid-disa’ distrett.

More in Elezzjoni 2022