'Jekk insabbtu saqajna u nitfgħu l-ħtija fuq l-elettorat inwittu t-triq għal aktar telf'

Il-Membru tal-MŻPN Thomas De Martino jgħid li l-PN jinsab 'fi kriżi' filwaqt li kandidat fuq ir-Raba' Distrett jgħid li l-PN illi kien verament iħobb ma għadux jgħarfu...

Thomas De Martino
Thomas De Martino

Żagħżugħ u membru tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista Thomas De Martino saħaq f'messaġġ twil fuq il-midja soċjali illi r-riżultat, tħares minn fejn tħares lejh, "huwa wieħed negattiv ħafna għall-Partit Nazzjonalista. Madankollu jkun agħar jekk minnu ma nisiltux l-lezzjonijiet li jagħtina l-poplu." 

Huwa beda billi qal illi jkun ħażin li l-PN jipprova jwaħħal fil-poplu u jfakkar li dan għamel 25 sena fil-Gvern. 

"Jekk nagħżlu li nsabbtu saqajna u nitfgħu l-ħtija fuq l-elettorat minflok ma npoġġu bilqegħda u nifhmu x'inhu jiġri, nkunu qed nwittu t-triq għal aktar telf," sostna De Martino. Huwa fakkar fil-ġlied intern bejn l-2017 u l-2020 u qal li bla dubju dan wassal propju għal dan ir-riżultat. 

"Tliet snin minn ħamsa ħlejnihom niġġieldu, filwaqt li l-PL fil-Gvern kien għaddej full-speed ahead b'ħidmietu. Jalla ma nerġgħux ngħaddu minn burraxki simili," sostna. Huwa qal li għal darba oħra ħareġ fiċ-ċar li kwistjonijiet ta' korruzzjoni u governanza tajba mhux jaffetwaw l-elettorat u fakkar li filwaqt li l-Oppożizzjoni jibqalha d-dover li titkellem dwar dan meta meħtieġ, qatt m'għandha terġa tkun r-risposta għall-mistoqsija "Għalfejn PN u mhux PL?"

"Din li ninsabu fiha mhix sempliċi telfa ta' elezzjoni, iżda t-tielet waħda konsekuttiva b'distakk li reġa' żdied. Mhi xejn inqas minn kriżi li kapaċi twassal għal bidla dejjiema tad-demografika Maltija, li trendi lil pajjiżna bħala one-party state, " temm jgħid Thomas De Martino. 

'Il-Partit li vera kont inħobb ma għadnix ngħarfu'

Intant il-Kandidat tal-PN Ivan Bartolo li ħareġ fuq ir-raba' distrett ħabbar li se jirtira mill-politika biex jiddedika ħajtu għal affarijiet jagħtuh sodisfazzjon . "Il-Partit li vera kont inħobb ma għadnix ngħarfu," qal Bartolo, li mill-ewwel sab l-appoġġ ta' Angela Coleiro li f'messaġġ fuq Facebook sostniet li Bartolo huwa persuna valida u l-partit għandu jibgħat għalih u jitkellem miegħu biex jifhem il-weġgħat tiegħu. 

Bartolo wkoll kien fuq quddiem fil-kampanja favur it-tmexxija ta' Adrian Delia lura fl-elezzjoni għal Kaġ ġdid fl-2020.

More in Elezzjoni 2022