Il-maġġoranza Laburista f'Għawdex tikber bi tliet darbiet għal distakk ta' 2,500 vot

Għawdex reġa' ta - għat-tieni darba konsekuttiva maġġoranza - lill-Partit Laburista.. u l-Kandidat Nazzjonalista Alex Borg ikaxkar fil-voti u jġib aktar mid-doppju tal-voti ta' Chris Said

Għawdex - it-13-il Distrett - ta maġġoranza komda ħafna lill-Partit Laburista hekk kif dan kiseb maġġoranza assoluta ta' 53.5% jew inkella maġġoranza ta' 2,530 vot. Din hija maġġoranza ħafna akbar mill-2017 meta l-istess partit kien kiseb maġġoranza f'Għawdex għall-ewwel darba b'distakk ta' 872 vot. Dan ifisser illi d-distakk żdied b'aktar minn tliet darbiet f'dan id-distrett waħdu li sal-2013 kien dejjem ta maġġoranzi - xi minn daqqiet komdi ħafna wkoll - lill-Partit Nazzjonalista. 

L-aktar li kiseb voti u allura wieħed jistenna li se jinħatar Ministru ta' Għawdex ukoll huwa Clint Camilleri li kiseb 6,458 vot fl-Ewwel għadd u allura huwa l-aktar kandidat Għawdxi popolari. 

L-aħbar it-tajba għall-PN hawnhekk hija Alex Borg - kandidat ġdid li kaxkar eluf ta' voti Nazzjonalisti u tela' fl-Ewwel Għadd - b'xejn inqas minn 6,108 voti. Huwa qabeż sew lil Chris Said li ġab inqas minn nofs il-voti ta' Borg jew inkella 2,772. 

Intant l-eks Ministru Anton Refalo kien it-tielet kandidat bl-aktar voti b'5,002 filwaqt li t-tielet kandidat elett għall-Partit Laburista huwa Jo Etienne Abela. 

Alex Borg: Elett minn Għawdex
Alex Borg: Elett minn Għawdex

 

More in Elezzjoni 2022