‘Qum poplu qum għax inthom il-bidla li Malta tagħna għandha bżonn’ – Martina Caruana

Il-vuċi żagħżugħa ta' Martina Caruana u Michael Piccinino tipprepara l-folla għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ġewwa l-Belt Valletta

Il-President tar-Riċerka Politika tal-PN, Martina Caruana (Ritratti ta' James Bianchi
Il-President tar-Riċerka Politika tal-PN, Martina Caruana (Ritratti ta' James Bianchi"

Il-Partit Nazzjonalista qed jara t-tmiem tal-kampanja elettorali mill-Pjazza grandjuża ta’ San Ġorġ fil-Belt Valletta. Fejn taħt it-tisfir, iċ-ċapċip u l-għajat Malta semgħet lil Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jagħti l-aħħar diskors tiegħu għal din il-kampanja hekk kif għada jibda’ Jum is-Skiet.

Intant iktar kmieni l-folla semgħet il-leħen enerġetiku tal-President tar-Riċerka Politika tal-PN, Martina Caruana li fil-pront fakkret li bħalissa qegħdin fil-pjazza li rat mhux biss it-tmien ta’ gwerrer u attakki imma wkoll ċelebrazzjonijiet, kunċerti, rejiet, Prim Ministri, suldati, baħri u “issa lili u lilek.”

Caruana saħqet li kien privileġġ għaliha li tinsab propju fil-Belt Valletta sabiex tindirizza l-partitarji tal-Partit Nazzjonalista. 

‘Malta qed titlobna għal qlubija tagħna, nhar is-Sibt itfgħu l-vot tagħkom ħalli nhar it-Tnejn nilqagħu Prim Ministru ġdid f’din l-istess pjazza.”

‘Jekk ma jinbiddel xejn nhar is-sibt il-pajjiż jista’ jkun fil-periklu li jsir wieħed awtokratiku’

Caruana tibża’ li jekk nhar is-Sibt ma jinbidel xejn il-pajjiż ikun fil-periklu li jkollu mexxej li għandu poter assolut, fi kliema “awtokratiku.”

Saħqet li l-pajjiż ma jistax ikompli jiġi mmexxi minn min jespandi s-setgħa u l-influwenza tiegħu sabiex “jiġġustifika l-politika u l-pratiċi oppressivi b’mod l-aktar effiċjenti .”

Kompliet tinsisti li s-Sibt il-poplu Malti u Għawdxin għandu joħroġ jivvota għas-saltna tad-dritt u l-libertà tal-kelma fost affarijiet oħra.

Il-President wegħdet li l-Partit Nazzjonalista mhux se joqgħod kwiet quddiem il-preġudizzji iżda huwa responsabbilità ta’ kulħadd biex jara' li dan iseħħ.

“Il-PN hu komess li nbiddlu l-kultura ta’ pajjiżna għax kull wieħed u waħda minna huwa importanti. Hekk biss se nġibu bidla reali lejn Malta, hekk se nibnu nazzjon wieħed.”

Il-messaġġ ta’ Martina Caruana għall-Għawdxin: ‘Il-PN huwa d-dar naturali tal-Għawdxin’

Bil-fortizza Nazzjonalista tintilef minn taħt idejn il-partit fl-elezzjonijiet preċedenti, tifhem li l-attenzjoni tal-lejla ddur ukoll fuq il-gżira oħt. Fil-fatt lill-Għawdxin Caruana qaltilhom li huma jinsabu fiċ-ċentru tal-politika tal-PN. 

“Daqshekk minsijin mill-Gvern tagħkom, daqshekk ħadulek l-isptarijiet, daqshekk qerdulkom l-ambjent, daqshekk ħakem l-iżvilupp bla rażan li jeqred id-djamant f’nofs il-mediterran.”

Hija tenniet li l-Għawdxin ma ħaqqhom xejn ħlief protezzjoni tas-saħħa, tal-infrastruttura, tal-ambjent u tal-edukazzjoni.  

‘Morru Ivvutaw!’

Il-messaġġ primarju min-naħa tal-Partit Nazzjonalista tul il-kampanja kien wieħed: “Morru Ivvutaw” u hekk reġgħet għajtet Martina Caruana mill-Belt Valletta.

Filwaqt li rringrazzjat lil Bernard Grech tal-fiduċja u l-opportunità, hija qalet lill-folla li mhux vera meta qalulhom li l-PN hu spiċċut. “Mhux talli mhux l-PN ma waqaf qatt talli ħadd mhu se jsiktu,” qalet Caruana.

Il-President Martina Caruana temmet id-diskors tagħha tgħid li l-vot mhux privileġġ li għandu wieħed jinsa’ l-importanza dwaru anzi fakkret li “missirijietna ġġieldu għad-dritt tal-vot. Inthom il-bidla.”

(Ritratt ta' James Bianchi)
(Ritratt ta' James Bianchi)

“Il-futur li qed jipproponi l-PN jista’ jsir realtà, jumejn oħra, permezz tal-vot tagħkom” – Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino

Indirizza l-folla wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino fejn irringrazzja lil dawk kollha li kienu ta’ spalla għalih u għat-tmexxija tal-partit fl-aħħar xhur, b’mod partikolari matul l-aħħar 5 ġimgħat ta’ Kampanja Elettorali.

Piccinino saħaq li dawn kienu 5 ġimgħat impenjattivi fejn fihom il-PN preżenta l-viżjoni tiegħu għal pajjiżna. Hu fakkar kif issa ninsabu jumejn bogħod mid-data tant importanti li ser tiddeċiedi l-futur ta’ pajjiżna.

Is-Segretarju tal-PN saħaq li matul din il-kampanja intqalu ħafna affarijiet fosthom Robert Abela saħaq li din l-elezzjoni hija hija għażla bejn il-passat u l-futur. Hawnhekk Michael Piccinino stqarr li jaqbel mal-Prim Ministru għaliex fi żmien ftit sigħat irridu ngħażlu bejn il-Partit Laburista tal-passat li daħħalna fil-greylist, li ma kreax setturi ekonomiċi ġodda, li m’għamel xejn sabiex jiġġieled l-għoli tal-ħajja, li ma jemminx fl-artisti u l-isportivi tagħna, li għamel dak kollu li seta’ biex jeqred l-ambjent naturali. “U l-Partit Nazzjonalista li f’din il-kampanja preżenta bl-aktar mod ċar il-viżjoni li Bernard Grech għandu għall-futur ta’ Malta u Għawdex tagħna.”

Spjega kif din hija viżjoni ħolistika u mhux sempliċiment set ta’ mizuri “biex nippruvaw ngħamu lil poplu għall-vot, iżda viżjoni ħolistika u ċara, li biha qed nuru d-destinazzjoni ta’ fejn nixtiequ nieħdu l-pajjiż.” Hu spjega numru ta’ miżuri li qed jipproponi l-PN u saħaq li dan kollu jista’ jkun possibli fi ftit ġranet oħra, bi gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech.

Is-Segretarju Ġenerali fakkar li l-Partit Nazzjonalista mhux talli ħareġ il-costings ta’ kemm ha jiġi jiswa l-programm elettorali imma ħareġ ukoll mudell finanzjarju ta’ kif se jkun qed jaħdem Gvern ġdid tal-PN.

Huwa għalaq id-diskors tiegħu billi saħaq li l-vot huwa ċ-ċavetta li għandna bżonn biex immexxu l-pajjiż ‘il quddiem. “Jekk int għadek mhux deċiż lil min ser tivvotta nhar is-Sibt li ġej, nappellalek, idħol aqra l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq pn.org.mt/vision, għamel kuntatt mal-kandidati jew uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, djaloga magħna biex niddiskutu l-viżjoni tagħna u ara kif ser ngħinuk tilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħek, għax l-aspirazzjonijiet tiegħek huma l-aspirazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista.

More in Elezzjoni 2022