'Isilfuni l-fiduċja tagħkom għall-ewwel mandat tiegħi, biex inkompli nsaħħaħ u biex inkompli inbiddel lil dan il-pajjiż'

'Jumejn qabel il-poplu jagħżel jagħtinix l-ewwel mandat jew le, irrid ngħidilkom grazzi tal-appoġġ fl-aktar mumenti diffiċli. Inroddilkom ħajr tal-messaġġi ta' kuraġġ meta qomna għall-akbar sfidi li qatt stajna niffaċċjaw'

Il-PM Abela, martu u bintu wara li spiċċa
Il-PM Abela, martu u bintu wara li spiċċa

"Wasal il-mument li nuru kemm ahna kburin b'pajjiżna. Li nuru kemm tassew nemmnu fil-potenzjal ta' din l-art li ngħixu fuqha." Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-aħħar attività tal-Partit Laburista f'Ta Qali li għaliha attendew eluf kbar ta' nies. 

Abela qal li l-PL qed joffri t-triq ta' tama - mhux mingħajr sfidi, mhux kollox ward u żgħar - "imma kull quddiem kull sfida se nkunu sodi, biex kull sfida indawwruha f'opportunità." 

Huwa qal illi l-Partit Laburista se jkompli jaħdem b'saħħa għall-pajjiżna. "Jiena kburi li nirrapreżenta lil dan il-pajjiż u biex titkellem f'isem pajjiżek trid tmur b'wiċċek fuq quddiem tirrapreżentah. Kif jista' min jistħi jgħid li huwa Malta, imexxi lil dan il-pajjiż?" sostna Abela għall-għajjat tal-folla kbira tgħajjat 'Viva l-Labour, Viva l-Labour!'

"Jumejn qabel il-poplu jagħżel jagħtinix l-ewwel mandat jew le, irrid ngħidilkom grazzi tal-appoġġ fl-aktar mumenti diffiċli. Inroddilkom ħajr tal-messaġġi ta' kuraġġ meta qomna għall-akbar sfidi li qatt stajna niffaċċjaw," qal għall-folla kbira tgħajjat mill-ġdid u tagħti l-approvazzjoni. 

"Tagħżlu x'tagħżlu nhar il-Ħadd, se nibqa' nżomm f'moħħi dawn l-esperjenzi," sostna qabel imbagħad irringrazzja lil martu u bintu, emozzjonat għall-għajjat kontinwu tal-folla entużjasta li donnha ma riditx tieqaf turi l-appoġġ lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista. 

Huwa qal li qatt ma kien hawn partit fl-Oppożizzjoni li jgħid li l-poplu ma għandux jivvota biex ma jgawdix il-Partit Laburista. "Jaslu biex jgħidulkom biex ma tivvotawx, għax jafu li mhumiex alternattiva." 

"Jiena naf x'inhu l-messaġġ tagħkom għax qed niltaqa' magħkom kuljum. Ġejt fil-pjazez kollha, ġejt inħabbat il-bieb - ma nitlifx il-ħin biex inkun magħkom fid-djar, fuq il-postijiet tax-xogħol u fl-istituzzjonijiet edukattivi," sostna l-Mexxej Laburista. 

Huwa qal li d-deċiżjoni jekk jibqax imexxi jew le hija l-ewwel waħda li jrid jieħu l-poplu, "imma mbagħad kunu magħna biex inwettwu l-1,000 proposta. Kunu miegħi biex inkompli nagħmel pajjiż aħjar."

Abela qal illi l-pajjiż mexa' 'il quddiem fl-għaqda imma għad hemm ħafna xi jsir. "Miegħi tafu fejn qegħdin... jiena irrid nibqa' niġi hawn b'wiċċi minn quddiem u jekk is-Sibt tisilfuni l-fiduċja tagħkom fl-aħħar tal-leġiżlatura li jmiss irrid niġi u intom tkunu aktar kburin b'pajjiżna." 

Huwa qal illi huwa l-Partit Laburista li jista' verament jagħti tmexxija soda. "Aħna rridu pajjiż li huwa l-aqwa fl-Ewropa u li jagħti għajnuna liż-żgħażagħ," qal Abela li sostna li f'dan il-pajjiż ħadd ma għandu jitħalla barra. "Aħna nappoġġjaw lil kull familja, għalhekk inżidulha d-dħul u issa irridu naħdmu għal kundizzjonijiet ta' xogħol aħjar. Man-negozji, aħna mhux biss salvajna lin-negozji imma għinnihom biex jirnexxu aktar u rridu nagħmlu ferm aktar," qal Robert Abela. 

Huwa fakkar f'elenku ta' għajnuna li ta lill-pensjonanti, wegħdi ta' spazji ġodda, €700 miljun fuq medda ta' seba' snin għall-ambjent u aktar. 
"Huma jifirdu u aħna ngħaqqdu, huma jweġġgħu lil pajjiżna u aħna naħdmu biex ngħaqqduh, huma jnaqqsu t-taxxi għall-ftit u aħna nnaqqsu t-taxxi għal ħafna."

Lil min tafdaw bl-ekonomija? Lil min tafdaw bis-sigurtà ta' pajjiżna? Lil min tafdaw biex ngħolli l-istandards tas-saħħa? Lil min tafdaw biex jingħataw drittijiet lil kulħadd? Wieġbu għal dan kollu bil-vot tagħkom," qal Abela.

"Isilfuni l-fiduċja tagħkom għall-ewwel mnadat tiegħi, biex inkompli nsaħħaħ u biex inkompli inbiddel lil dan il-pajjiż" qal Abela għall-għajjat ta' approvazzjoni ma jiqfux. 

More in Elezzjoni 2022