'Tħalluhomx jieħdu lill-pajjiż lura għall-passat, tħalluhomx jifirduna u jfarrku dak li bnejna' - Ramona Attard

'Perfetti m'aħniex u qatt mhu se nkunu, jekk tixtiequ lill-PL, li tibqgħu d-dar mhix soluzzjoni' - Daniel Micallef 

"Malta hija tal-Maltin u Għawdxin kollha mhux ta' xi klikka. Tħalluhomx jeħduna għall-passat, tħalluhomx jifirdu lil dan il-pajjiż u jfarrku dak li bnejna flimkien". Hekk qalet il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard fl-aħħar attività politika tal-PL, qabel l-elezzjoni ġenerali nħar is-Sibt li ġej. 

Hija tisħaq li l-PL hu l-uniku partit li joffri futur stabbli għal uliedna u li jaċċetta lil kulħadd għax ma jħarisx lejn kuluri politiċi. 

"Malta flimkien kienet kampanja elettorali mimlija emozzjonijiet ibbażata fuq il-kuntatt kontinwu man-nies. Fuq kollox il-kampanja elettorali wriet PL imġedded taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela," kompliet tgħid il-President tal-PL. 

Intant hija saħqet li bħala omm, bil-manifest elettorali għandha moħħa mistriħ li l-ġenerazzjoni tal-futur se nagħtuhom Malta ta' opportunitajiet inkluż aktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-Parlament ta' Malta, spazji miftuħa għall-familja u mediċini u trattamenti għal dawk li jixtiequ li jkollhom it-tfal. 

"Erġajna konna aħna li xprunajna l-bidla. Aħna dejjem ħdimna biex wessajna d-dritt għall-vot. Ħaddieħor għax m'għandux x'jitlef jgħidlek li m'għandekx dritt tal-vot. X'arroganza, min jgħidlek biex ma tivvutax għax Malta se ssir dittatorjat. Huma joħduk forgranted, aħna ma nieħdu lil ħadd forgranted," qalet Attard. 

Hija kkonkludiet id-diskors billi qalet li jekk dawk iċ-ċittadini li nhar is-Sibt jiddeċiedu li jibqgħu d-dar, "l-uniku messaġġ li se jgħaddu hu li f'Malta mhux se ssir aktar bidla. F'dawn is-sentejn Robert Abela wettaq riformi kbar, ejja nkunu parti minn dan iż-żmien eċitanti flimkien, ejja nagħtu fiduċja lil Robert Abela, fl-ewwel mandat tiegħu, biex inkomplu nġeddu lil Malta flimkien". 

F'mumenti qabel ma tkellem il-Prim Ministru, id-Deputat Mexxej tal-PL Daniel Micallef stqarr li d-dritt tal-vot ma waqax mis-sema u kienu missirijietna li ġġieldu għalih.

Huwa rrakkonta li waqt il-kampanja elettorali ltaqa' ma' ċittadin li minkejja li jixtieq li l-PL ikun fil-Gvern, qal li l-PL ħaqqhom tbeżbiża u li iridu li jkunu tgħallmu mill-iżbalji, "u naf li hawn bosta jaħsbu bħalu." 

"Wiċċ imb'wiċċ ma staqsejtux jekk ikkonvinċejtux ma nħobbx nindaħal imma minn hawn nindirizza lilu u dawk bħalu. Bix-xewqa ma naslu mkien, perfetti m'aħniex u qatt mhu se nkunu jekk tixtiequ l-PL fil-Gvern li tibqgħu d-dar mhix soluzzjoni," qal Micallef. 

Fl-aħħar huwa saħaq li l-vot f'elezzjoni, ma jiddeterminax biss il-ħames snin li ġejjin biss. 

"Jien ċert li inti taf lil min trid imexxi dan il-pajjiż minn nhar it-Tnejn, taf ukoll li mingħajr il vot tiegħek se jkun ħaddieħor li jiddeċiedi għalik. Issa l-għażla biss f'idejk ħaddieħor mar il-qorti biex jipprova jħarbat l-elezzjoni, irid il-poter. Jien ngħidilkom li l-poter qiegħed f'idejn kull wieħed u waħda minnkom biss," temm jgħid id-Deptutat Mexxej Daniel Micallef. 

More in Elezzjoni 2022