Editorjal | Agħżel kompetenza, onestà u kandidati ta' prinċipju - Għalik u għal Malta

Elezzjoni hija mezz għal skop nobbli, mhux l-għan aħħari. Wara kollox elezzjoni tiġi u tgħaddi, imma l-isfidi se jkunu hemm qed jistennewna nieħdu azzjoni!

Malta Flimkien għax Miegħek għal Malta!
Malta Flimkien għax Miegħek għal Malta!

Issa verament wasalna fl-aħħar parti tal-kampanja elettorali. Kampanja li kienet immarkata aktar minn dak li qed jiġri barra mill-pajjiż, milli dak li kien qed jiġri lokalment.

Din il-gazzetta mhix se tgħid lill-qarrejja tagħha lil min għandhom jivvutaw. Il-qarrejja huma maturi u intelliġenti biżżejjed biex jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom. 

Pero' nixtiequ nużaw dan l-ispazju biex inħeġġu lin-nies jivvutaw lil dawk il-kandidati li verament għandhom x'joffru. L-ewwelnett kandidati kompetenti, li jew għax rajnihom fl-aħħar snin imexxu Ministeru jew minħabba l-esperjenza tagħhom f'qasam jew ieħor nafu li kapaċi jmexxu, li kapaċi jilqgħu għall-isfidi mhux jogħtru taħthom. Mhux ser insemmu ismijiet imma kulħadd jaf min kienu dawk in-nies fl-aħħar snin li - anke jekk iffaċċjaw l-eqqel kritika u kellhom jieħdu deċiżjonijiet diffiċli li swew lill-pajjiż il-miljuni l-kbar - kienu parti integrali u ċentrali mill-fatt li eluf kbar ta' negozji baqgħu fil-wiċċ u eluf ħafna ikbar ta' nies ma tilfux xogħolhom. Nies li kellhom jiffaċċjaw l-agħar kriżi possibbli u li ħarġuna minnha, migrufin, xi ftit imbenġla, imma ħajjin! Wara kollox min jiggverna xogħolu huwa li jipproteġi l-ħobża ta' kuljum tan-nies u li jipproteġi x-xogħol - l-ewwel u qabel kollox. Għax mingħajr poplu li qed jaħdem, poplu li kapaċi jitla' l-iskaluni soċjali, mingħajr pajjiż li qed jiġġenera l-ġid (b'mod onest - mhux bil-bejgħ taċ-ċittadinanza!), mingħajr Gvern li jieħu lil pajjiżna lejn tkabbir u lejn il-ġid - la jista' jkollna pensjonijiet, la stipendji ogħla, la ċekkijiet u lanqas xejn! 

Elezzjoni hija mezz għal skop nobbli, mhux l-għan aħħari. Wara kollox elezzjoni tiġi u tgħaddi, imma l-isfidi se jkunu hemm qed jistennewna nieħdu azzjoni!

Imbagħad hemm nies li minkejja li ma kinux fil-Gvern imma fl-Oppożizzjoni kienu fuq quddiem fil-ġlieda favur iċ-ċittadin, li dejjem fehemu l-uġigħ tan-nies. Li użaw l-aħħar ħames snin fl-oppożizzjoni, mhux biex jagħmlu l-gwerer imma biex iġibu l-bidla, anke jekk il-bidla mhux dejjem kienet popolari.

Imma ejja naraw ukoll li nagħżlu kandidati ġenwini. Aħna biss nistgħu verament neradikaw ir-rgħiba fil-politika u din nagħmluha billi nagħżlu kandidati li apparti li huma kompetenti u apparti li huma qrib in-nies, huma wkoll kandidati onesti! Li qegħdin fil-politika biex jagħmlu l-ġid, kif diġà għamlu fil-politika, fil-Parlament jew inkella fl-oqsma soċjali li kienu parti minnhom. Jekk dejqitek l-arroganza ta' ċerti kandidati jew Ministri, mhux ma tivvotax, imma tivvota lil dawk li huma umli. Jekk dejqek min hu maħmuġ u rgħib, mhux taqta' qalbek - anke jekk bħalissa verament faċli li taqtagħha - imma tivvota għall-bidla. U l-bidla tista' twettaqha b'diversi modi, fosthom ukoll billi tivvota lill-partit li dejjem ivvotajtlu, jew il-partit li ilek tivvotalu għall-aħħar snin biss - imma tagħmel għażliet iktar għaqlin u għażliet differenti. 

Għażlu nies ta' prinċpji sodi. Ta' prinċipji li se jeħduhom magħhom fil-Parlament u li se jiggwidawhom fil-ħidma Parlamentari tagħhom! Prinċipji li ma jinbidlux skont il-flus! 

U mela le! Jekk inti Laburist, u trid terġa' tivvota Labour, għamel dan. Imma għamel għażla li verament tixraq lil partit soċjalista. U mela le! jekk inti Nazzjonalista u trid terġa' tivvota PN, għamel dan. Imma għamilha b'għaqal biex il-PN - jiġri x'jiġri u jkun xi jkun id-distakk - joħroġ mġedded wara din l-elezzjoni. Tiġdid li tant għandu bżonn u li tant kien jagħmel differenza kieku sar matul dawn l-aħħar ħames snin mitlufa, li matulhom il-PN kien kważi dejjem f'battalja interna qarsa u ħarxa kontra l-Kap tiegħu stess! Kieku wara l-elezzjoni tal-2017 kulħadd fil-PN xammar il-kmiem u ħadem, minflok ħareġ saqajh biex jagħti l-gambetti kieku forsi llum jinsab f'qagħda ħafna aħjar u kellu kampanja elettorali bil-wisq aħjar, mill-kampanja diżappuntanti li kellu.

U jiġri x'jiġri wkoll huwa ċar li l-iskuntentizza fil-Labour qed tirranka. Kieku mhux qed naraw ferneżija sħiħa biex eluf konsiderevoli ta' votanti Laburisti joħorġu jivvutaw. Mela anke l-Labour irid jagħmel eżami tal-kuxjenza biex jara għaliex tant nies mhumiex kuntenti b'aspetti partikolari tat-tmexxija tiegħu. Jekk iserraħ fuq in-nuqqasijiet u d-dgħjufija tal-PN ikun qed jiffirma l-istess kuntratt li ffirma l-PN ta' Gonzi fl-2008, jiġifieri l-kuntratt tat-tmiem. 

Ftit sigħat oħra nkunu nafu r-riżultat u min se jirbaħ sfidi għandu quddiemu.

J'Alla madwar ir-rebbieħ ikun hemm nies kompetenti, onesti u umli, mhux sriep li jiggravitaw madwar il-poter biex jaraw kif se jgawdu l-aħjar huma! 

Elezzjoni hija mezz għal skop nobbli, mhux l-għan aħħari. Wara kollox elezzjoni tiġi u tgħaddi, imma l-isfidi se jkunu hemm qed jistennewna nieħdu azzjoni! 

Għalhekk l-għażla tiegħek, anke fil-kandidati li inti trid fil-Parlament, għandha issir bi ħsieb u b'għaqal.

More in Elezzjoni 2022