'Jew Abela, bi track record ta' deċiżjonijiet fl-aktar mumenti diffiċli jew Grech, li jbiddel fehmtu bħal żugraga'

Issa tassew il-kampanja waslet fi tmiemha. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-President tal-Partit Laburista Ramona Attard u tistaqsiha dwar l-astensjonijiet, l-edukazzjoni, il-kaċċa, iċ-ċekkijiet u aktar...

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' mal-President tal-Partit Laburista Ramona Attard hekk kif issa l-kampanja elettorali waslet prattikament fit-tmiem tagħha u nibdew billi nagħtu ħarsa lura. Kif tqabbel din il-kampanja ma' dawk li wasslu għal suċċessi kbar fl-2013 u anke l-2017? 
Attard tibda billi tfakkar li din l-elezzjoni hija differenti minn dawn it-tnejn, l-aktar minħabba illi għadna qegħdin - u b'xi mod ħerġin - minn pandemija filwaqt li l-Ewropa prattikament tinsab fi gwerra. Tgħid iżda illi minkejja kollox il-Partit Laburista ħareġ b'numru ta' proposti u kien preparat mill-ewwel biex jagħmel dan. 

"Filgħodu l-Prim Ministru ħareġ iħabbar l-elezzjoni, filgħaxija konna diġà bdejna inħabbru l-proposti. Ħabbarna l-ewwel ħames proposti." 
Attard qalet mal-ILLUM li l-Partit Laburista kien lest mil-lat loġistiku, dwar il-kontenut fil-manifest u mil-lat organizzativ ukoll. "Dejjem urejna li lesti, imma jkolli ngħid ukoll li qed nieħdu gost nagħmlu din il-kampanja għax kunfidenti bit-tim, bil-Mexxej u kunfidenti bil-proposti tagħna."

'Qed inqassmu €70 miljun biex nilqgħu għall-problema tal-għoli tal-ħajja'

Induru fuq din il-kwistjoni taċ-ċekkijiet ta' rifużjoni u ċ-ċekk addizzjonali li irċevew eluf ta' familji, studenti, pensjonanti u individwi. Minkejja li huma ftit dawk li qed imaqdru ċ-ċekkijiet per se, ħafna qed jistaqsu ftit qabel kampanja elettorali hux iż-żmien propizju li jintbagħtu ċekkijiet. Ma tħossx li din mossa biex il-PL jipprova jkabbar id-distakk aktar? 

Hija tgħid illi dan l-argument kien jagħmel sens kieku din kienet l-ewwel darba li l-Gvern qed jibgħat ċekkijiet. "Imma dan mhux il-każ, għax tul l-aħħar sentejn rajna lill-Gvern jagħti l-għajnuna li hemm bżonn. Magħna taf li r-rifużjoni tingħata għax tajniha kemm qabel u qed inwiegħdu li se tkompli tingħata." 

Hija fakkret li kien qed isir ħafna l-argument tal-għoli tal-ħajja u għax il-Gvern ħa dan il-pass proprju biex jilqa' għal din il-problema, il-Kap tal-PN issa qed jgħid li din taċ-ċekkijiet hija "gimmick". "Qed inqassmu €70 miljun propju biex nilqgħu għal din il-problema tal-għoli tal-ħajja, imbagħad jiġi jgħid li hija gimmick." 

"Il-politika tagħna dejjem kienet li nagħtu l-fiduċja u l-għajnuna lin-nies. Magħna l-piż ma jġorrux il-poplu għax aħna nemmnu li meta nuru fiduċja fin-nies, jinħoloq il-ġid biex imbagħad minn dak il-ġid nnaqqsu t-taxxi, nagħmlu childcare b'xejn, nqassmu ċekkijiet, nagħtu inċentivi lil min irid isir sid ta' daru u aktar," qalet Ramona Attard. 

'Fi żminijiet diffiċli l-Gvern kien ta' spalla'

Il-gazzetta tirrikonoxxi li dawn kollha miżuri li ħallew aktar flus fil-but, kollha miżuri li minnhom gawdew ħafna nies, bħal koppji żgħażagħ li xtraw l-ewwel dar. Imma hawn ekonomija li għadha xi ftit jew wisq taħt l-effett ta' pandemija, bdiet gwerra li qed twassal għal aktar spejjeż u għal nuqqas f'ċerti prodotti wkoll. Il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil qed jisplodu. U allura hija realistika li l-Partit Laburista jibqa' jwiegħed elenku ta' inċentivi fiskali? 

Hija bdiet billi fakkret li l-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li Malta se jkun il-pajjiż li se jesperjenza l-akbar tkabbir fl-Ewropa din is-sena u anke s-sena d-dieħla. "Nafu li waqt kriżi bla preċedent il-Gvern kien spalla man-negozji u l-familji." 
Attard fakkret ukoll li l-poplu jaf li mal-Partit Laburista dak li jitwiegħed, jitwettaq - hekk kif wettaq 'il fuq minn 90% tal-programm elettorali tiegħu tal-2017. 

"Se nagħtu l-fiduċja lill-familji u n-negozji u jkun dan li joħloq il-ġid biex Gvern Laburista jkun jista' jqassam u jinċentiva aktar," qalet Attard. 

L-istedina tiegħi: 'Ejjew kellmuna, kellmu lill-kandidati tagħna fit-toroq...'

Laburisti li qalu li ma jridux jivvutaw, kien hawn u mhux ftit waqt din il-kampanja. Imma dawn kollha każi ġenwini jew hemm ħafna nies li xammew elezzjoni u allura raw kif se jieħdu xi ħaġa li forsi ma ħadux f'leġiżlatura? 

Hija tibda billi tgħid li l-elezzjoni, bħal kull elezzjoni, tibda xejn b'xejn u allura xogħol il-partit huwa li jkompli jikkonvinċi. "Għalhekk l-istedina tiegħi hija biex in-nies imorru jiġbru l-vot u jivvutaw. Hemm weġgħat u jiena nemmen li l-poplu jaf li perfetti ma aħniex imma jekk inkunu fil-Gvern, tassew nistgħu nindirizzaw il-weġgħat. Għalhekk l-istedina tagħna hija biex tersqu lejna u tkellmuna, lili, lill-Kandidati tagħna li qegħdin kollha on the ground jitkellmu man-nies, mal-Prim Ministru..."

Imma kemm temmen li l-PL qed jiffaċċja din il-problema din id-darba, aktar minn elezzjonijiet oħra? Anke fis-sondaġġi qed tidher din id-diżilużjoni, fost votant laburisti wkoll. 

Hija qalet illi s-sondaġġi huma biss ritratt u jkunx hemm każ wieħed jew 100 każ, il-partit irid jara li lil dawn in-nies u lil dawk li huma inċerti jkellimhom u jagħmel kuntatt magħhom. 

"Aħna rridu nikkonvinċu lil kulħadd. Hawn min jistenna aktar mingħandna u aħna qed naħdmu biex nikkonvinċuhom u kieku ma għadniex kredibilità illi kapaċi nbiddlu l-affarijiet, kieku ma jiġux fuqna." 

Hija terġa' tħeġġeġ lin-nies biex jitkellmu u jagħmlu kuntatt magħha u mal-partit. "Għandna programm, konvinta li kapaċi nikkonvinċu bil-programm tagħna, kull fejn żbaljajna qed naraw li nkunu aħjar."

L-Ambjent: Tard wisq u ftit wisq?

Pero' hemm gruppi oħrajn ta' nies diżillużi, fosthom ħafna fuq l-istat tal-ambjent u anke l-iżvilupp meqjus rampanti li għaddej fil-pajjiż. Tajjeb li qed isiru proposti ta' ġonna u spazji miftuħa, imma issa? Wara li l-Labour kompla fejn ħallew in-Nazzjonalisti u bnew kull m'hawn? Mhux ftit wisq u tard wisq din? 

Ramona Attard semmiet is-€700 miljun li l-Partit Laburista kien wiegħed fl-2017 għat-toroq u infrastruttura u tgħid li fuq din il-PL żamm kelmtu u wettaq il-proġetti li kellu jwettaq. "U l-istess se nagħmlu fuq l-ambjent," qalet il-President tal-PL. Hija qalet illi l-emfasi tal-partit hija fuq aktar spazji miftuħa u tgħid li f'dan ir-rigward Gvern Laburista diġà beda jwettaq. "Kellna miżuri biex Malta issir newtrali klimatikament, 5il-proġett shore-to-ship fil-Port u issa se jibda fil-Port Ħieles u inċentivi biex aktar karozzi jaqilbu għall-elettriku." 

Tfakkar li fl-2006 Gvern Nazzjonalista qabad art "daqs is-Siġġiewi" u min art li fuqha ma jistax isir żvilupp daħħalha għall-iżvilupp. 
Imma l-ILLUM tfakkarha li Gvern Laburista ma għamel xejn biex ibiddel dawn il-Pjani Lokali. 

"Hemm effetti għal dak... imma issa inutli inħarsu lura, irridu inħarsu lejn il-futur," tkun ir-risposta xi ftit jew wisq xotta dwar dan. 
Attard tgħid li l-Gvern diġà beda jwettaq proġetti bħal per eżempju l-Qortin - li minn miżbla saret post fejn il-familji jistgħu jmorru u jirrilassaw, apparti proposti għal foresta fl-Inwadar u diversi proġetti u proposti oħrajn. 

"Aħna rridu aktar spazji miftuħa u għalhekk qed inwiegħdu proprju dan f'postijiet bħal Furjana, fil-Ħamrun u aktar."
Intant il-Partit Laburista qed iwiegħed ukoll li jibda studju ta' riġenerazzjoni ekonomika sabiex  - jgħid l-istess manifest - kull parti ta' Malta tintlaħaq u tgawdi mit-tkabbir ekonomiku. X'inhi eżattament din il-wegħda? Liema postijiet se jkunu inklużi? 

Attard qalet illi hi mhux se tidħol fil-mertu tal-postijiet infushom u liema se jkunu imma tisħaq li l-għan ta' din il-proposta hija r-riġenerazzjoni ta' postijiet li ma ntlaqħux biżżejjed ekonomikament. Hi tfakkar li l-Partit Laburista qed iwiegħed għotja meta negozju jiftaħ f'wieħed minn dawn il-lokalitajiet filwaqt li min jixtri proprjetà f'Urban Conservation Area f'dawn il-lokalitajiet jingħata aktar mill-€15,000 li bdew jingħataw xerrejja ta' proprjetajiet f'UCA mill-Baġit li għadda.  

Snajja, childcare u Homework: Il-PL x'qed jipproponi?

Induru fuq l-edukazzjoni. Ramona Attard għandha tliet itfal. Żgur li l-edukazzjoni ta' uliedha tkun ħafna fuq moħħha. X'għamel u x'beħsiebu jagħmel Partit Laburista fil-Gvern sabiex jassigura li dan is-settur jibqa' b'saħħtu u li minflok jibqa' fabbrika ta' ċertifikati jsir tassew preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol u r-realtajiet tagħha? 

Attard qalet illi waħda minn nuqqasijiet tas-sistema hija meta ingħalqu l-iskejjel tal-isnajja u intilfu tant u tant nies li forsi mhumiex tajbin fil-matematika u mhumiex akkademikament tajbin lanqas imma li għandhom kapaċitajiet u sengħa partikolari. Għalhekk qalet illi l-Partit Laburista qed iwiegħed skola tas-Snajja fl-MCAST. 

Imbagħad Attard daret fuq iċ-childcare u qalet illi meta minħabba l-Covid-19 it-tfal tagħha damu ma daħlu ċ-childcare centre ħasset id-differenza. "Biċ-childcare jibdew jitkellmu aktar kmieni, jinteraġixxu aktar ma' tfal oħra u jitgħallmu aktar kmieni wkoll u allura qed naraw li l-edukazzjoni fil-verità tibda minn qabel illum. Għalhekk il-Partit Laburista qed iwiegħed childcare għal kulħadd, sabiex b'hekk ikun hemm ugwaljanza bejn it-tfal kollha fl-edukazzjoni wkoll." 

Imbagħad semmiet il-Homework, hekk kif il-Partit Laburista qed jissuġerixxi li nimxu - bħala pajjiż - lejn sistema li ma jkollhiex HW. "Ejja niddiskutuha, mhux nieħdu l-affarijiet forgranted għax dejjem saru hekk. Ejja naraw it-triq 'il quddiem għall-HW."
Qalet ukoll li huwa importanti li l-edukazzjoni timbotta lil persuni differenti biex jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom, fosthom ukoll fl-arti. Huwa għalhekk illi tgħid illi l-Gvern qed iwiegħed kreditu ta' taxxa (jew għotja) ta' €300 għal ħarġiet kulturali. 

'Il-Partit Laburista jiltaqa' ma' kulħadd'

Ta' spiss il-Partit Laburista - b'mod speċjali - jiġi akkużat illi huwa wisq qrib in-negozji. U dan iwassal biex ħafna jitilfu l-fiduċja fil-proċess tal-ippjanar. Tagħtihom tort jaħsbu hekk? 

Hija tgħid illi l-Partit Laburista jiltaqa' ma' kulħadd. "Il-Partit Laburista jiltaqa' man-negozjanti, mal-familji, ma' koppji li jridu l-IVF, ma' koppji omosseswali u iva man-negozji wkoll. Kien man-negozji li ltaqa' sabiex ħriġna bil-Wage Supplement, sabiex fi żmien diffiċli l-pajjiż seta' jibqa' għaddej," qalet Attard. 

U meta jiltaqgħu man-negozji fuq xhiex jilmentaw? X'jitolbu? 

Hija tgħid illi aktar milli jiġu bi problemi, pjuttost jiġu jitkellmu dwar il-viżjoni ekonomika tal-pajjiż u ssemmi d-dibattitu tal-Kamra tal-Kummerċ li tgħid illi matulu wkoll kien hemm iċ-ċans li l-Gvern jisma' u jara x'inhuma l-problemi u l-isfidi sabiex b'hekk il-PL jekk ikun fil-Gvern iwettaq u jbiddel. 

U la semmiet l-isfidi ma stajniex ma nfakkruhiex li ħafna negozji qed jiffaċċjaw ħafna burokrazija u regoli stretti, uħud imposti minn regoli magħmula biex noħorġu mil-Lista l-Griża. Jiġifieri l-bidliet għas-skapitù tan-negozju ż-żgħir qed isiru? 

Hija qalet illi kif jafu n-negozji, Gvern Laburista kien spalla fl-aktar mumenti diffiċli. "Aħna ma għidniex li jekk jogħlew il-kontijiet barra minn Malta, mela jogħlew hawn ukoll. Aħna qatt ma ħadanna l-politika tal-awsterità, imma dejjem ħadanna l-politika tal-fiduċja."

Hija kkonfermat li l-Partit Laburista mhux biss jaf bl-ilmenti li semmiet il-gazzetta,  iżda qed iwiegħed garanzija ta' kont bankarju lill-kumpaniji kollha kif ukoll proċess ta' due diliegence ċentralizzat, fost affarijiet oħrajn.

"Fejn nistgħu ntejbu l-proċessi u nnaqqsu l-burokrazija hekk se nagħmlu." 

Hija temmet tgħid li dan kollu iżda juri kemm il-Gvern ħa bis-serjetà l-ġlieda kontra r-reati finanzjarji, fosthom il-ħasil tal-flus - kif ukoll kemm qed jieħu bis-serjetà kwistjonijiet ta' governanza.

'Il-pożizzjoni tagħna dwar il-kaċċa ma nbidlet qatt'

Nistaqsu dwar id-delizzju tal-kaċċa u allura t-tneħħija tal-moratorju minn fuq il-kaċċa tal-gamiem. Dan kien l-aħħar attentat biex il-Labour jintogħġob mal-kaċċaturi wkoll? 

Attard ma taqbilx u tinsisti li l-PL dejjem kien ċar dwar il-kaċċa u qatt ma biddel il-pożizzjoni tiegħu. Hija tfakkar li skont riċerka li saret jidher li mhux neċessarjament qed tonqos il-popolazzjoni tal-gamiem, mill-passa li tgħaddi fuq Malta u tgħid ukoll li l-qbid - li ssejjaħu "żgħir" ta' gamiem li jgħaddi fuq Malta mhuwiex qed jagħmel tant differenza. 

Attard qalet illi l-Partit Laburista dejjem saħaq li fejn huwa possibbli u kif possibbli l-kaċċa tal-gamiem għandha tkompli. Tgħid ukoll li l-infurzar issaħħaħ, tant li hemm kaċċaturi li jilmentaw li sar hemm wisq infurzar!

'L-għażla hija ċara'

U finalment, ħafna Laburisti jafu jgħidu illi ladarba s-sondaġġi qed juru d-differenza li qed juru bejn il-partiti, allura ma jmorrux jivvotaw. Kemm huwa detrimentali dan il-ħsieb u din l-apatija għal-Labour? 

Hija reġgħet sostniet illi elezzjoni dejjem tibda xejn b'xejn. Saħqet illi l-PL għandu programm ċar u jekk qed iwiegħed li se jnaqqas it-taxxa hekk jagħmel u mhux b'kundizzjonijiet ta' ESG - bħall-PN, tfakkar. "Jekk aħna ngħidu li se nżidu l-pensjonijiet hekk se jiġri, jekk aħna qed ngħidu li se nagħtu krediti ta' taxxa għal attivitajiet extrakurrikulari, hekk se nagħmlu. Kundizzjoni waħda hemm, li n-nies jivvutaw!"

Il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard temmet l-intervista tgħid illi l-għażla quddiem il-poplu ma tistax tkun aktar ċara: "Bejn tim magħqud li jiġbed ħabel wieħed u minn naħa l-oħra tim li malli saffar is-suffara l-Prim Ministru bdew jitilqulu n-nies - u l-eks Deputat Mario Galea qal illi l-PN għamillu ħajtu infern. Jew Prim Ministru bi track record ta' deċiżjonijiet fl-aktar mumenti diffċli jew Kap tal-Oppożizzjoni li jbiddel fehmtu bħal żugraga."

More in Elezzjoni 2022