'Tridu Oppożizzjoni ta' PN dgħajjef waħdu? Jew tridu wkoll nies bħali u l-ADPD li ma nibżgħux nitkellmu?'

Arnold Cassola jappella lill-votanti tal-10 u l-11-il distrett biex ma jivvutawx lill-PN u l-PL li jisħaq illi huma rikattati mill-kaċċaturi u l-iżviluppaturi..

Arnold Cassola
Arnold Cassola

Fl-aħħar jum tal-kampanja l-kandidat indipendenti Arnold Cassola għamel l-aħħar appelli lill-votanti u fetaħ il-kanuni fuq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela. Huwa staqsa lill-votanti tal-10 u l-11-il distrett, quddiem Abela lil min iridu bħala Oppożizzjoni. "Lill-Partit Nazzjonalista waħdu, Partit Nazzjonalista mkisser, dgħajjef u mifrud? Jew tridu li jkun hemm ukoll nies bħali u bħall-Alternattiva, li għall-kuntrarju tal-PN, lesti nitkellmu fuq kollox u mhux nibqgħu muti għaliex Portelli ta' Għawdex ikun tana l-flus bħalma jagħti lil-Labour u lill-PN?"

Huwa qal illi din hija elezzjoni illi fiha ma hemmx kompetizzjoni. "Il-Prim Ministru għall-ħames snin li ġejjin ser ikun Robert Abela, dak li -flimkien ma' Abela Advocates - ilu squatter f'bini tal-gvern għal dawn l-aħħar erba' snin...mingħajr ma għandu titlu legali fuqu," qal Cassola li sostna illi dan filwaqt li hemm Maltin bla dar u oħrajn li qed ikollhom jirrikorru għas-soup kitchen. 

Huwa staqsa lill-votanti jekk iridux mexxejja li wasslu għal ambjent li qed jinqered, żvilupp bla rażan, istituzzjonijiet li qal illi jaħdmu kontra ż-żgħir, u isem pajjiżna mkasbar id-dinja kollha.

"Tridu biss fl-oppożizzjoni lil min mar jiġri jiltaqa' ma' Yorgen Fenech minkejja li kien jaf li dan kellu kont id-Dubai biex ixaħħam lill-politiċi? Jiġifieri, intom kuntenti b'Zammit Louis u Rosianne Cutajar fil-Gvern u Oppożizzjoni li tibża' tiftaħ ħalqha biex ma tmurx turta lil tal-business li għandhom lill-PL u lill-PN fil-but?" staqsa rettorikament Arnold Cassola. 

Huwa saħaq li fl-aħħar ħames snin il-mexxejja tal-pajjiż ħammġu isem Malta mad-dinja kollha "bil-Panama papers, bil-bejgħ tal-passaporti, bil-Vitals, bl-Electrogas, bil-Montenegro. Għandna mexxejja li huma rrikattati minn żviluppaturi korrotti u mil-lobby tal-kaċċaturi."

Huwa qal illi minn naħa l-oħra hemm oppożizzjoni li diġà qed tgħid li se tkompli tbigħ iiċ-ċittadinanza u li bħall-Gvern tibqa' rikattata mill-iżviluppaturi u l-kaċċaturi. 

"Malta jixirqilha aħjar. Naf li mhux faċli tbiddel id-drawwa wara 20 jew 30 sena u tivvota għal xi ħadd differenti. Imma tista' taghmel dan. Anki biex is-sagrifiċċju ta' Daphne ma jkunx għalxejn, importanti li  tivvutaw għal kandidati onesti indipendenti u mit-tielet partit," temm jgħid Cassola. 

More in Elezzjoni 2022