Jacob J Micallef | Ma nistgħux nibqgħu b’mentalità tal-qamel! Kollox tal-qamel!

'Jekk lanqas aħna li “għandna moħħna miftuħ” u “mhux parti mill-merħla” m’aħna se nieqfu nivvutaw il-PL/PN, mela min? Nannitna? B’vot lejn il-partiti ż-żgħar noħolqu spazju għal gruppi ta’ nies u individwi biex joqorbu lejn il-politika u jagħmlu l-pass!'

F’waħda mill-ħrejjef ta’ Esopu, in-nies fil-poter jistednuna biex “inkantaw” kultant żmien u bħall-għasfur fil-ħrafa, naqgħu għall-ingann. Il-volpi, u l-politikanti tagħna, qajla interessati f’dak li taparsi jixtiequ jisimgħu. Għal deċenji sħaħ ħanxarna għanjiethom, filwaqt li kull darba tlifna l-“ġobna” minn ħalqna. Nistħajjel ’il mexxejja tagħna – il-volpi, il-ġobna – biċċa mid-dinjità tagħna u aħna - iċ-ċawla. 
Tant aħna aljenati nħanxru, li filwaqt li l-klassi politika u l-idejn kollha warajha qegħdin f’sakra tossika ta’ Abbuż mill-poter b’impunità – li akkumulaw għal xulxin, għenniehom (nafu u ma nafux) ineżżgħu minn kull dinjità, jiżolaw u joqtlu mara, biex isikktuha. 

M’hemmx bżonn aktar konfermi dwar kif organizzazzjonijiet kriminali huma viċinissimi u/jew parti miż-żewġ partiti politiċi l-kbar. Minn dik il-pożizzjoni jistgħu jkomplu jixtru lil kull min hemm bżonn biex jibqgħu jiżgumbraw bla ebda tip ta’ kontabilità. Wara kollox “il-flus is-saħħa tagħna”, qallu. Għamlu ħilithom biex ġegħluna nemmnu li “l-aqwa li taqla’ lira” u li l-unika mentalità prevalenti hija tal-“min ħexa mexa, min ma ħexiex inħexa”. Li tara x’se tagħmel biex “iddawwar xi ħaġa” saret donnha reliġjon, anki jekk m’intx tifhem. Emmen.

Għal aktar minn 60 sena, eleġġejna rappreżentanti esklussivament minn daż-żewġ partiti. Fil-frattemp, f’kull kampanja elettorali rriċiklaw u rriproduċew l-istess wegħdiet u ideat ta’ xulxin: l-ambjent, il-korruzzjoni, l-investiment barrani, l-immigrazzjoni ... kampanja wara l-oħra. F’“l-aqwa żmien” u fil-“golden hay days”, id-distakk bejn is-sinjur u l-fqir kompla jiżdied b’mod stratosferiku. Irnexxilna noħolqu klassi ta’ nies b’impjieg full-time u part-timers li jaħdmu ħafna sigħat u xorta m’għandhomx biex ikopru n-neċessitajiet bażiċi tal-ħajja – statistika mill-NSO, Caritas. Il-ġobna biss ħallejnieh jieħu ’l-volpi ... Għamilnihielhom faċli wisq. Donna ħlifna li nivvutaw blu jew aħmar akkost ta’ kollox. Hija naturali li tħossok aktar komda/u xxaqleb lejn dak li jagħmlek tħossok tajjeb, “jemmen fik”, “miegħek”... Dan mhux neċessarjament ħażin. Biss, jekk iċ-ċawla tibqa’ taqa’ għaż-żegħil fieragħ tal-volpi, kważi kważi mhux il-volpi huwa makakk, imma ċ-ċawla hija belha. U allura aħna se nibqgħu boloh? Hemm bżonn inwaqqfu dal-vizzju misħut! 

Naqblu li dan id-duopolju falliena f’kull qasam, anki f’dawk li ilhom iwegħduna li se jipprijoritizzaw? L-ambjent, il-korruzzjoni, l-għargħar fit-toroq, is-sistema edukattiva, l-industrija tal-kostruzzjoni, l-isport, l-arti, l-integrazzjoni, is-suldati u l-pulizija, il-kura għas-saħħa mentali, l-enerġija ... Jekk għadna naħsbu li dawn iż-żewġ partiti huma s-soluzzjoni ta’ xulxin, mela allura għadna ma kbirna xejn minn wara li telqu l-Ingliżi u jaqblilna aktar jekk nerġgħu nsiru kolonja taħt xi imperu. Hekk, il-fottamenti u l-“ħaxi” kważi permessi – speċjalment jekk il-ħakkiem ma jkunx ħanin. Imma l-“ħaxi” tiegħek f’tiegħek – pervers!

Kollha kemm aħna għandna rwol, għalkemm ta’ wħud huwa kompromess. Mod kif nistgħu nibdew dal-proċess ta’ tranżizzjoni hu billi nibdlu l-voting trend tagħna. Hemm bżonn li nifirxu l-vot tagħna fuq il-partiti ż-żgħar. Jekk lanqas aħna li “għandna moħħna miftuħ” u “mhux parti mill-merħla” m’aħna se nieqfu nivvutaw il-PL/PN, mela min? Nannitna? B’vot lejn il-partiti ż-żgħar noħolqu spazju għal gruppi ta’ nies u individwi biex joqorbu lejn il-politika u jagħmlu l-pass! Għandna bżonn nies ta’ integrità fil-politika daqskemm għandna bżonn tobba tajbin l-isptar, għalliema ddedikati fl-iskejjel u mħallfin onesti fil-qorti! Il-politika għandha impatt fuqna sa minn qabel niġu kkonċepiti. Ma nistgħux nibqgħu b’mentalità tal-qamel! Kollox tal-qamel! Sport tal-qamel, TV tal-qamel, radio tal-qamel, gazzetti tal-qamel, politikanti tal-qamel, toroq tal-qamel, baħar tal-qamel, qorti tal-qamel ... se nagħlqu għoxrin sena fl-Unjoni Ewropea, u se nibqgħu tal-qamel.

Biss pożittività u tama hemm, minkejja l-eluf li għadhom maħkuma mid-duopoli, ħafna mxebbgħin u rrabjati għal kif irriduċejna (?) lil Malta – u  mhux neċessarjament f’sens “patrijottiku”. Aktar Maltin jixtiequ jgħixu f’pajjiż trankwill u mmexxi minn rappreżentanti denji. Aktar Maltin iridu jirnexxu bil-ħila tagħhom u inqas Maltin kuntenti jpappuha għax jafu xi ministru. Hawn inqas Maltin insikuri li ma jafu jagħmlu xejn aktar ħlief jilagħqu xi ministru. Hawn aktar Maltin li jridu jgħixu f’demokrazija ġusta, jew hekk nixtieq. 

Ir-riżultat tal-elezzjoni li ġejja mhu se jsolvi xejn. Nafu li l-Labour se jerbaħ – nazzarda ngħid b’madwar għoxrin elf, imma l-proċess jeħtieġ li jibda minnufih! Ma fadal ebda raġuni razzjonali għala għandna nivvotaw ’l wieħed mill-PL/PN. Filwaqt li l-PN jidher bħala l-għażla ovvja fid-dawl tal-oxxenitajiet li għaddsuna fihom il-PL, ftakru li huma kompliċi. Ħabba fihom, ġew Joseph Muscat u sħabu! Mela la jerġa’ jwaqqafna xi lupu u jidlikna dilka bI lsienu biex inkantawlu – waqt li nkunu qed nieklu, iqiegħdu l-ikel ħdejna bil-galbu, intuh dilka lsien aħna, u nkomplu mmeċilqu.

Jacob J. Micallef 
Missier u għalliem, b’interess fil-politka u l-ġustizzja soċjali.

More in Elezzjoni 2022