Id-distakk bejn iż-żewġ partiti baqa' kostanti u kważi statiku waqt din il-kampanja bis-sondaġġi ppubbikati fuq il-Maltatoday jibqgħu dejjem jindikaw distakk ta' bejn 25,000 u 29,000 vot favur il-Partit Laburista, filwaqt illi dak ta' The Sunday Times u tal-Istatistiku Vince Marmara baqgħu juru distakki ta' 35,000 vot u aktar.
Fil-fatt fl-aħħar sondaġġ ta' Vince Marmara dalgħodu minn dawk li qalu kif jivvutaw 55.9% wieġbu Partit Laburista u 42.8% lill-Partit Nazzjonalista. F'dan is-sondaġġ jirriżulta li l-Partit Nazzjonalista qed iżomm 77.8% tal-votanti tiegħu tal-2017 u minnhom jitlef 4.9% għall-Partit Laburista. Il-Partit Laburista jżomm 85.9% tal-votanti tiegħu tal-2017 u jitlef 1.4% għall-Partit Nazzjonalista.
Dan ifisser li - skont dan is-sondaġġ - il-PL qed jattira madwar 6,650 votant tal-PN fl-2017, filwaqt li l-PN qed jattira lejh madwar 2,400 votant Laburista fl-2017.
3.8% ta' dawk li vvutaw PL fl-2017 - jew madwar 6,500 persuna minn 170,976 - ma jridux jivvutaw, filwaqt li dan il-persentaġġ jinżel għal 2.7% fost in-Nazzjonalisti. Dan ifisser madwar 3,600 minn 135,696 vot.
Intant fuq dak ippubblikat fuq il-maltatoday dalgħodu - liema sondaġġ baqa' jkun aġġornat tul il-kampanja - il-Partit Laburista jikseb 53.3% tal-voti u l-PN 44.7% - differenza ta' kważi 27,000 vot.
Dak tal-Maltatoday kien maħdum fuq turnout ta' 87.1% - inqas minn norma li ġeneralment taqbeż id-90%.
Intant skont is-sondaġġ tal-Maltatoday Robert Abela baqa' fdat 13% aktar minn Bernard Grech.