‘Progress sar u hemm moviment lejn il-Partit Nazzjonalista ... sal-aħħar se nibqgħu nikkonvinċu’
Inqas minn 48 siegħa qabel l-Elezzjoni Ġenerali, il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u titkellem miegħu dwar is-sondaġġi, il-kampanja, il-finanzi u anke l-proposti tal-Partit Nazzjonalista
minn Yendrick Cioffi
Fadal ftit sigħat biex il-poplu jivvota f’Elezzjoni Ġenerali. Ftit jiem oħra nkunu nafu r-riżultat u min se jkun qed imexxi lill-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin. F’din l-aħħar edizzjoni speċjali tal-gazzetta ILLUM qabel l-elezzjoni, qed niltaqgħu mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.
Ma stajnix ma nibdewx bis-sondaġġi li għadhom qed ibassru rebħa kbira għall-Partit Laburista, simili għar-rebħiet tal-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali. L-ILLUM tistaqsi lis-Segretarju Ġenerali x’inhu ċ-ċans li l-PN jissorprendi lil kulħadd u jirbaħ.
Piccinino insista li xogħol il-Partit Nazzjonalista huwa li jibqa’ jaħdem biex jirbaħ.
“Is-sondaġġi huma dawk li huma imma xogħolna huwa li nibqgħu nipprovaw u nikkonvinċu lil kull persuna li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija l-aħjar soluzzjoni għal dan il-pajjiż,” insista Piccinino.
L-ILLUM tistaqsih x’inhu r-rispons li qed ikollhom u jekk f’dan l-istadju hux jaħdmu sempliċiment biex inaqqsu d-distakk jew inkella biex jirbħu. Insista li hu dejjem jaħdem biex jirbaħ u insista wkoll li s-sondaġġi qed juru progress għax, fi kliemu, sa ftit xhur ilu, id-distakk kien ħafna akbar.
“Progress hemm u jidher li hemm moviment lejn il-PN. Wieħed ikejjel kemm dan il-moviment huwa kbir, l-għada tal-elezzjoni,” insista Piccinino.
Madanakollu l-ILLUM tfakkru li kien l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia li meta tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għamel dan l-argument, jiġifieri qabbel ir-riżultat mhux mal-aħħar elezzjoni, imma ma’ dak li kienu qed ibassru s-sondaġġi.
L-ILLUM tisħaq miegħu li fl-aħħar mill-aħħar, ir-riżultat se jkun imqabbel ma’ dak li ġara ħames snin ilu. Wara dak kollu li ġara fl-aħħar ħames snin, meta nqatlet ġurnalista, il-kriżi kbira li għaddha minnha l-Gvern u l-iskandli li ħarġu, il-PN ma jmissux ilu li kkonvinċa? Disa’ snin fl-Oppożizzjoni ma kinux biżżejjed?
Piccinino tenna li l-PN se jibqa’ jirsisti sal-aħħar minuta biex jikkonvinċi lin-nies. “Ma tistax tkejjel bl-ammont ta’ snin li partit jagħmel fil-Gvern jew fl-Oppożizzjoni. Il-PN kien għamel 25 sena fil-Gvern. L-ebda partit ma għandu xi dritt divin li wara ċertu żmien jerġa’ jkun fil-Gvern. Kuljum trid tibqa’ tikkonvinċi lin-nies li inti l-aħjar soluzzjoni,” insista Piccinino.
‘Kwistjonijiet interni telfu mix-xogħol tal-PN biex jaħdem u jikkonvinċi’
Fakkar ukoll li fl-aħħar ħames snin kien hemm kwistjonijiet interni fil-Partit Nazzjonalista li xi ftit jew wisq telfu mix-xogħol tal-partit biex jaħdem u jikkonvinċi aktar nies.
“Huwa ovvju. Meta partit qed jiffoka l-enerġija tiegħu fuq kwistjonijiet interni jkun qed inaqqas l-enerġija tiegħu mill-ħidma esterna,” kompla jisħaq Piccinino.
Madanakollu saħaq li issa l-PN huwa ffukat biex jikkonvinċi lin-nies biex jissieħbu mal-partit.
“L-indikazzjonijiet huma li dawn in-nies qed jiżdiedu. Sa nhar is-Sibt aħna nibqgħu naħdmu biex nikkonvinċu,” insista Piccinino.
Iżda l-ILLUM tistaqsih kemm hu minnu li l-kwistjonijiet interni fil-PN huma xi ħaġa tal-passat. Il-Prim Ministru kontinwament qed jisħaq li l-poplu ma jistax jafda partit maqsum li ma jistax jiffoka l-ħidma tiegħu fuq il-pajjiż. Tfakkru li fl-ewwel jum tal-kampanja, erba’ Deputati rtiraw il-kandidatura tagħhom. Ma jaħsibx li dan bagħat messaġġ negattiv fil-bidu tal-kampanja?
Piccinino insista li l-erbgħa eks Deputati qalu pubblikament li rtiraw il-kandidatura biex jagħmlu aktar spazju biex jiġġedded il-partit.
“Ma kollha għandi relazzjoni tajba u nitkellem b’mod regolari. Ma naħsibx li hemm kwistjonijiet,” insista Piccinino.
‘L-eks kapitajiet tagħna huma kollha milqugħa fl-attivitajiet tal-PN’
Dwar dak li qed jgħid il-Prim Ministru, Piccinino qal li Robert Abela huwa dak li meta mistoqsi hux komdu li Joseph Muscat ikun mistieden f’attivitajiet tal-PL, ma jweġibx.
“Kontinwament qed naraw Ministri jgħidu ħaġa u Joseph Muscat joħroġ jgħid l-oppost. Giddeb lil Abela stess meta qal li mhux se taffettwana l-kriżi fl-Ukrajna. Nikkonfermalek li Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi, Simon Busuttil u ovvjament Delia huma milqugħa f’attivitajiet tal-PN. Robert Abela huwa l-inqas wieħed li jista’ jagħtina lectures fuq meta jkollok kwistjonijiet interni fil-partit,” insista Piccinino.
‘Fl-aħħar xhur aktar kien hemm diżgwid fil-Partit Laburista milli fil-PN’
Saħaq li fl-aħħar sena u nofs, aktar kien hemm diżgwid fil-Partit Laburista milli fil-PN.
“Il-PL dejjem jipprova jitfa’ l-attenzjoni fuq il-qasma li jipprova jgħid li hemm fil-PN. Imma meta kien hemm is-Sindku Laburista ta’ Wied il-Għajn jgħajjar lid-Deputati Laburisti huma kienu. Meta kien hemm iċ-Chairperson tal-ONE, Jason Micallef jgħajjar fuq Facebook Ministri tal-Gvern huma kienu. Fl-aħħar sena u nofs aktar kien hemm diżgwid fil-PL milli fil-PN,” insista.
L-intervista saret qabel mal-eks Deputat tal-PN Mario Galea deher jitkellem dwar is-saħħa mentali waqt attività tal-Partit Nazzjonalista. F’reazzjoni dwar dan ftit wara, Piccinino saħaq mal-ILLUM li Galea tkellem fuq is-saħħa mentali li dwarha huwa attivist u li ma għandu jkun hemm bżonn l-ebda interpretazzjoni oħra. Fakkar li dan kien kliem Mario Galea stess.
Għaliex qed iżżidu l-proposti wara li ħareġ il-programm?
Tkellimna dwar il-programm elettorali li l-PN ilu kampanja jiftaħar li ħareġ 100 siegħa biss wara li tħabbret l-elezzjoni. Madanakollu, il-PN għadu sal-lum iħabbar proposti li mhumiex inklużi fih, fosthom dwar il-festi. X’ġara? Riedu jkunu l-ewwel? Mhux vera kienu ppreparati? Ma jaħsibx li dan juri nuqqas ta’ serjetà?
Piccinino saħaq li dakinhar tal-Kunsill Ġenerali, Claudio Grech insista li apparti l-500 proposta li hemm fil-programm elettorali, hemm madwar 200 proposta oħra li huma f’pakketti settorjali li se joħorġu tul il-kampanja.
Imma x’se jgħid dak id-dilettant tal-festa li fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja, qabad dan id-dokument u ma sab xejn dwar il-festi? Anke l-PL għandu proposti settorjali u ħareġ kollox f’manifest wieħed! Tkompli tistaqsi u tisħaq l-ILLUM.
“Allaħares il-PL ma ħariġhomx kollha f’daqqa meta ppubblika l-manifest tiegħu wara li kienet għaddiet nofs il-kampanja,” wieġeb Piccinino. “Ħassejna li hemm proposti settorjali li huma importanti u li dwarhom kellu jkun hemm attenzjoni partikolari u għalhekk ikunu ppubblikati b’mod separat, fosthom dawk tal-festi, tal-isport u oħrajn,” insista.
Fakkar ukoll li l-PN ma ppreżentax programm elettorali tradizzjonali, b’lista ta’ proposti, imma viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin. Fil-fatt, qal li l-intenzjoni oriġinali kienet (kieku l-elezzjoni ġiet f’Ġunju) li l-ewwel parti li titkellem dwar il-viżjoni tkun ippubblikata separatament, biex dwarha tkun tista’ ssir diskussjoni.
“Aħna ma għandnix biss lista ta’ proposti qisha wish list imma vjaġġ ħolistiku ta’ fejn irridu nieħdu l-pajjiż,” kompla s-Segretarju Ġenerali.
‘Il-PL mhux jgħid minn fejn se jiffinanzja l-manifest... qed jeskludi l-metro’
Dwar il-costings, Piccinino insista li fil-jiem li ġejjin dawn se jkunu ppubblikati. Insista li anke jekk il-PL qed jgħid li l-manifest tiegħu se jiswa €3.3 biljun, mhux qed jgħid minn fejn se jiġu l-flus u qed jeskludi wkoll is-€6.2 biljun tal-metro li mhux jintrabat li jagħmel.
“Se niffinanzjaw il-programm tagħna billi noħolqu aktar ġid li se jżid id-dħul tal-Gvern,” saħaq.
‘Qed nikkompetu kontra ġgant li juża r-riżorsi kollha tal-partit’
Kull meta Piccinino indirizza attività tal-PN dejjem tkellem dwar il-flus u jappella lin-nies biex jieħdu sehem fil-famuża skema tal-€500. Ma jaħsibx li dan qed jibgħat il-messaġġ li l-PN jinsab dahru mal-ħajt?
“Rajt kemm għandhom billboards il-Labour? Ħafna minn dawn kienu tal-Malta Film Awards. Għandna kawża l-Qorti kontra l-PBS fejn ħadd ma jaf min jieħu d-deċiżjonijiet. Meta tikkompeti kontra ġgant li qed juża r-riżorsi kollha tal-istat, trid tiġbor. Jekk morna għand negozjant ngħidu li ħażin, jekk niġbru mingħand in-nies ngħidu li hu ħażin. Il-flus mhux se jaqgħu mis-sema.” insista Piccinino.
Kien hawn li fakkar li l-PN jemmen li biex ma jkunx hawn din il-problema, għandu jkun hemm finanzjament mill-istat għall-partiti politiċi. Iżda kompla jisħaq li sakemm il-pajjiż jasal sa hemm, il-partiti jridu jiġbru l-flus minn xi mkien.
Finanzi tal-partit: ‘Għad hemm problema imma mhux fejn jidħlu l-pagi u l-pagamenti’
Il-MaltaToday kienet żvelat kif il-kumpaniji tal-midja taż-żewġ partiti għandhom jagħtu €4.7 miljun f’kontijiet tad-dawl u l-ilma. Media.Link, il-kumpanija tal-PN għandha tagħti €3.5 miljun. Imma dan sew? Jekk jiena ma nħallasx, malajr jibagħtuli u jaqtgħuli d-dawl u l-ilma! X’jaħseb Piccinino?
Is-Segretajru Ġenerali saħaq li l-problemi finanzjarji tal-PN akkumulaw tul is-snin. Fakkar li hu ilu biss tmien xhur fil-kariga u qed jaħdem biex jassigura li l-affarijiet isiru aħjar.
Qal li mill-2013 ‘l hawn, kien hemm ħidma kbira biex il-problema finanzjarja ma tkomplix tikber.
“Għadha problema. Imma issa ma hemmx problemi fejn jidħlu pagi u affarijiet bħal dawn. Trid timmaniġja s-sitwazzjoni u ma tkabbarx il-problema. Problemi fuq pagamenti mal-banek ma hemmx. Jiena ma nagħmilx maġija. Mhux se ngħidlek li għada l-PN se jispiċċalu d-dejn kollu. Qed naħdmu kuljum biex din il-pjaga tkompli tiċkien,” insista Piccinino.
Ammetta li seta’ kien hemm żmien fejn ma kienx hemm immaniġjar tajjeb tas-sitwazzjoni finanzjarja u insista li l-amministrazzjoni preżenti ma tistax tieħu t-tort kollu fuqha.
“Il-partit jitgħallem, jiżviluppa u jinbidel u juri dan anke f’dawn l-affarijiet. Qed inkomplu nnaqqsu anke dak dovut lill-ARMS. Imma jien ma nistax infaqqa’ s-swaba’ u l-miljuni jaqgħu mis-sema,” kompla jisħaq.
L-iskema ċedoli x’sar minnha?
Il-PN jitkellem ħafna fuq il-bżonn tat-trasparenza, anke fejn jidħlu d-donazzjonijiet u jakkuża lill-Partit Laburista li mhuwiex trasparenti. Imma l-PN għandu l-famuża skema ċedoli. Nistaqsuh x’sar minnha din l-iskema, u għaliex l-ismijiet ta’ dawk li jieħdu sehem fiha mhumiex pubbliċi.
Michael Piccinino, saħaq li fejn jidħlu donazzjonijiet, il-kontijiet tal-PN huma awditjati mhux bħal dawk tal-PL. Insista li l-iskema taċ-ċedoli għadha teżisti u hija differenti kompletament mid-donazzjoni.
Fakkar li dwar id-donazzjonijiet hemm il-liġi tal-finanzjament tal-partiti li l-PN jimxi magħha. Mill-banda l-oħra, kompla jispjega, l-iskema ċedoli li dwarha hemm il-liċenzja tal-MFSA, hija self. Spjega kif minflok persuna tmur tixtri bond ta’ kumpanija jew titfa’ l-flus il-bank, issellifhom lill-PN u jintrabtu għal għaxar snin. Kull sena jitħallas l-imgħaxx fuq l-ammont marbut u wara għaxar snin, joħroġ l-ammont kollu.
“Il-PN mhu jżomm xejn minnhom bħala donazzjoni,” saħaq Piccinino. “Dan huwa investiment tan-nies. Il-flus qed iħaddmuhom u jsir kollox skont il-liġi.”
Joseph Portelli jagħti donazzjonijiet lill-PN?
Tkellimna dwar il-kuntrattur Joseph Portelli. Ħarġu rapport li l-PM kien il-mistieden ta’ Portelli lejliet li l-PL ġabar il-flus waqt maratona. Il-PN qed jistaqsi jekk b’xi mod ġiex diskuss il-proġett kontroversjali f’Ta’ Sannat, li warajh hemm l-istess Portelli u li ġie approvat ftit tal-jiem ilu.
L-ILLUM tistaqsi direttament lil Michael Piccinino jekk jiċħadx kategorikament li fl-aħħar snin il-PN irċieva donazzjonijiet mingħand Joseph Portelli. Piccinino qal li ma jidhirlux li dan huwa l-każ imma insista li kellu jikkonferma u jerġa’ jkellimna. L-ILLUM fakkritu biex jagħmel dan, imma sakemm morna għall-pubblikazzjoni ma rċevejnix it-tweġiba.
“Jekk ta donazzjoni lill-Partit Laburista u mxew skont il-liġi ma hemm xejn ħażin. Ħażin jekk kien hemm xi laqgħa mal-Prim Ministru li matulha ġie diskuss dan il-proġett u jekk kien hemm xi forma ta’ influwenza,” insista Piccinino.
Akkuża Portelli: ‘Dan Gvern tal-kumbinazzjonijiet...’
L-ILLUM tfakkru li l-PM qed jiċħad, imma Piccinino jwieġeb li l-kuntest kollox. “Jiena nistgħu nkunu fil-Gvern u niltaqa’ ma’ persuna u naf li magħha ma hemmx problemi. Nista’ niltaqa’ wkoll ma’ persuna u naf li l-għada hemm deċiżjoni dwar applikazzjoni li għandha quddiem entità tal-Gvern u nista’ nidher li qed ninfluwenza d-deċiżjoni, dwar żvilupp fuq art ODZ, bir-rakkomandazzjonijiet tal-esperti kollha kontra u kumbinazzjoni dan ikun approvat. Dan huwa Gvern tal-kumbinazzjonijiet u naħseb li din hija kumbinazzjoni oħra,” insista.
Jekk it-tramm se tieħu karreġġjata mhux aktar ġej traffiku?
Tkellimna dwar il-proposta tat-tramm bla binarji. Il-PN qed jgħid li mhux se jżid karreġġjati, imma din it-tramm se tieħu waħda mill-karreġġjati eżistenti. Allura x’garanzija għandna li mhux se noħolqu kaos fit-toroq u nżidu t-traffiku minflok innaqqsuh?
Piccinino insista li t-trackless tram mhijiex proġett iżolat imma magħha jrid ikun hemm bidla fil-mentalità. L-ILLUM twaqqfu mill-ewwel u tfakkru li bidla fil-mentalità mhux se tiġi mil-lum għall-għada.
“Jiena Tal-Linja ma nużahiex għax noħroġ fuq l-istage u ma nafx x’ħin tiġi. Hawn għandna problema tal-parkeġġ. Kieku naf li se naqbad Tal-Linja u niġi u nasal fil-ħin se nagħżel lilha,” wieġeb.
Piccinino insista li għax se jkollha karreġġjata għaliha, qed ikun assigurat li t-tramm ma ssibx traffiku u se tasal fil-ħin.
“It-tramm tista’ ssir f’ħames snin, l-ispiża hija inqas mill-metro u se tilħaq aktar lokalitajiet,” saħaq Piccinino. Iżda l-ILLUM terġa’ tinsisti miegħu li jekk triq minn żewġ karreġġjati għall-karozzi se tiġi waħda biss, minħabba t-tramm, it-traffiku se jiżdied u mhux jonqos.
“Int se jkollok aktar inċentiv biex tuża t-tramm,” tenna s-Segretarju Ġenerali waqt li saħaq li wieħed ma jistax jaqta’ qalbu għax jgħid li l-poplu mhux se jkun lest iħalli l-karozza privata.
Fakkar li se jkun hemm lokalitajiet fejn minħabba l-limitazzjonijiet, it-tramm mhux se tkun tista’ tidħol u hawn se jkun hemm sistema ta’ trasport pubbliku li taħdem id f’id mat-tramm.
“Jekk il-poplu jiġi ppreżentat b’servizz effiċjenti u affordabbli se jkollu inċentiv biex iħalli l-karozza,” saħaq.
‘Robert kontra li kumpanija ma timpjegax nies bil-prekarjat?’
Il-PN qiegħed ukoll jipproponi li jinċentiva u jgħin lil dawk in-negozji li jimxu mal-prinċipji tal-ESG, jiġifieri li jkunu konformi mal-prinċipji ambjentali, is-solidarjetà soċjali u l-governanza. Robert Abela qed jgħid li dan se jdaħħal lill-kumpaniji f’aktar spejjeż. Għandu raġun?
“Nisperaw li Robert Abela mhux qed jallega li huwa ħażin li l-Gvern jgħin aktar lil min iħares aktar l-ambjent, lil min ma jimpjegax lin-nies bil-prekarjat jew lil min josserva l-liġijiet,” staqsa Piccinino.
Insista li l-Partit Nazzjonalista mhu jitlob xejn kbir mill-kumpaniji jew in-negozji, ħlief li jimxu mal-liġi u jagħmlu dak li huwa ġust.
“Donnu l-PL għandu problema biha din,” saħaq.
‘Hemm proċessi li jridu siru wara l-Elezzjoni; Jiena rrid nassigura li jseħħu’
Ilu biss tmien xhur fil-kariga. Is-sondaġġi qed ibassru telfa għall-PN. Għandu jerfa’ r-responsabbilità hu u jirriżenja jekk dan iseħħ.
Piccinino saħaq li l-Partit għandu l-istrutturi u r-regoli tiegħu u l-istatut jgħid li wara l-Elezzjoni Ġenerali għandu jkun hemm elezzjoni jew konferma għall-Kap.
“L-irwol tas-Segretarju Ġenerali huwa li jassigura li dawn l-istrutturi jibqgħu jaħdmu u jsir dak kollu li jitlob l-istatut. Meta jsiru dawk il-proċessi, imbagħad bl-istess strutturi jkun determinat jekk is-Segretarju Ġenerali jkomplix fl-irwol tiegħu jew le,” insista Piccinino.
Temm jisħaq li mill-għada tal-elezzjoni hu se jassigura li dawn il-proċessi jsiru u li hu jibqa’ dejjem kommess li jagħti sehemu fil-PN.