Abela b'saħħtu fuq l-ekonomija u l-but. Grech b'saħħtu fuq il-governanza u l-kritika fuq l-ambjent
Kollox ma' kollox Robert Abela jibqa' aktar b'saħħtu fuq l-aktar affarijiet li finalment jagħmlu l-akbar differenza lin-nies: Ix-xogħol, il-but u l-ekonomija... Grech pero' kien b'saħħtu u inċiżiv fil-kritika fuq l-ambjent u l-governanza
minn Albert Gauci Cunningham
L-aħħar dibattitu bejn il-Mexxejja jista' jitqies bħala kontinwità ġenerali tal-kampanja bl-istess argumenti, l-istess cliches li issa ilna nisimgħu tul il-kampanja u l-istess elenku ta' wegħdi li ilna nisimgħu ad nauseam mill-mument li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista saffar is-suffara elettorali. Qajla wieħed jista' jimmaġina li dan id-dibattitu b'xi mod wassal għal ċaqlieq enormi fost l-elettorat jew fost l-indeċiżi għalkemm naturalment seta' kien hemm xi ċaqlieq żgħir fuq numru ta' kwistjonijiet.
Nibdew iżda dan l-aħħar analiżi tal-kampanja b'ħarsa ġenerali tas-saħħa taż-żewġ mexxejja.
Robert: Ekonomija, flus fil-but u riformi
Mingħajr dubju li Abela ħafna iktar b'saħħtu fuq tliet binarji: L-ewwelnett l-ekonomija u l-mod kif Abela u l-Gvern li jmexxi għandu track record illi żamm lill-pajjiż u sa fejn possibbli lill-familji u negozji fil-wiċċ waqt l-agħar kriżi ekonomika dinjija, ewropea u lokali sa mit-Tieni Gwerra Dinjija.
Waqt attività fil-Mosta lbieraħ filgħaxija wkoll malli Andrew Azzopardi - li kien qed jintervista lil Bernard Grech - semma miżuri waqt il-pandemija biex il-Gvern isalva ix-xogħol kien milqugħ b'xi ftit ta' diżapprovazzjoni mill-folla preżenti. Iżda lilhinn mill-folla akkanita Nazzjonalista l-avversarju politiku ta' Abela jagħmel żball jekk jissottovaluta s-sens ta' apprezzament u ġudizzju pożittiv - speċjalment fost ħafna negozji - għal miżuri bħal Wage Supplement, ħlas u għajnuniet fil-kirjiet, tnaqqis fil-kontijiet għan-negozji u moratorji sabiex eluf ta' negozji setgħu jibqgħu fil-wiċċ. Hemm sens fost bosta, inkluż votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti, li lil "Robert Abela sibnieh fl-aktar mumenti ta' bżonn."
Huwa ċar li dan il-Partit Laburista u Abela jafu u allura kontinwament waqt din il-kampanja kien hemm l-għajta ta: "sibtuni spalla ma' spalla magħkom" u "sibtuni hemm għalikom fl-agħar żmien." Bla dubju dan l-aspett tal-immaniġġjar ekonomiku waqt pandemija, li minkejja d-daqqiet u t-tbatijiet ekonomiċi li kienu kważi inevitabbli, għattew u nessew ħafna minn nuqqasijiet ta' Abela, speċjalment meta pprova jagħti xi forma ta' pożittività falza (mewġ fil-baħar) li wara hu stess iddikjara li kienu stqarrijiet żejda.
Ironikament issa huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni li donnu jrid il-vot (pandering) ta' dawk kontra l-vaċċin u kontra restrizzjonijiet, mingħajr iżda ma jgħid hu jekk ikun fil-Gvern x'jagħmel differenti. Minflok fl-aħħar parti ta' dan id-dibbattitu Grech alluda għall-oppressjoni u l-libertà, rabathom mal-pandemija iżda waqaf hemmhekk. Ma kienx eżattament l-aqwa mument ta' Grech dak li għalaq bih. Pjuttost għalaq l-aħħar appuntament tiegħu mal-poplu fuq nota populista u vaga!
Il-fatt jibqa' li Grech ma kellux iċ-ċans jiffaċċja din il-kriżi fil-Gvern u allura l-ġudizzju dejjem kien se jkun fuq il-Gvern u fuq kif se jżomm il-pajjiż fil-wiċċ waqt din l-isfida bla preċedent. U jidher li - xi ftit jew wisq - Abela dan it-test għaddih.
Fuq il-but jitwemmen għax wettaq!
It-tieni saħħa ta' Abela kienet fejn jirrigwarda miżuri finanzjarji, li jitrattaw il-flus fil-but. Meta Abela jitkellem dwar skemi għal First Time Buyers jitwemmen għax skemi simili saru. Meta jitkellem dwar pensjonijiet u żidiet, jitwemmen għax żiedhom. Meta jwiegħed żieda fl-istipendji, jitwemmen għax għadu kif żiedhom. Jekk jgħid li se jibgħat iċ-ċekkijiet, jitwemmen għax bagħthom. Meta jgħid li mhux se jżid it-taxxi jitwemmen għax għamilha, anke fl-agħar mumenti ta' pandemija.
Fejn jidħol miżuri ta' sostenn finanzjarju l-Labour għadu jidher illi huwa b'saħħtu u aktar kredibbli.
Riformi tajbin u meħtieġa mxekklin mid-deċiżjoni ta' Muscat li jżomm u jiddefendi lil Keith u Konrad!
U finalment - u b'ironija wkoll - Abela kien b'saħħtu meta elenka r-riformi li għamel. Minkejja l-popolarità ta' Joseph Muscat, Robert Abela ħa lill-Partit Laburista f'idejh f'wieħed mill-agħar mumenti tiegħu, taħt dellijiet kbar u koroh u demoralizzat wara r-riżenja tal-istess Muscat. Ħa pajjiż li kienu għadu iktar frisk - milli huwa llum - minn assassinju ta' ġurnalista li għamel ħsara kbira lill-pajjiż u lil Partit Laburista.
Ma kien qatt se jkun faċli li jbiddel ir-rotta u bosta jgħidulek - u bir-raġun - li r-rotta għadha nbidlitx b'mod assolut. Iżda jibqa' fatt ukoll li l-Gvern ta' Abela daħħal elenku ta' riformi li qatt ma kienu saru u wħud minnhom lanqas konna naħsbu li ser isiru. Mir-riforma għall-ħatra tal-Ġudikatura, il-ħatra tal-President tar-Repubblika, il-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija u l-ħatra ta' diversi karigi Kostituzzjonali, fosthom l-Ombudsman.
Naturalment iżda minkejja dan l-elenku ta' riformi li jiddistakka lil Abela mill-predeċessur tiegħu fuq kwistjonijiet ta' governanza, ma kien qatt se jkun faċli li Abela jneħħi b'mod assolut minn fuqu d-dellijiet li ħolqu Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat, meta dan baqa' jiddefendihom sal-aħħar!
Ir-realtà hi li Abela għadu qed ibati l-konsegwenzi tad-deċiżjoni ta' Muscat li jibqa' leali lejn nies li fetħu kontijiet fil-Panama u finalment saħansitra ġew implikati fl-assassinju ta' Caruana Galizia.
Grech: Effettiv fil-kritika fuq l-ambjent, FATF u kritika lejn Abela
Is-saħħa ta' Bernard Grech kienet primarjament fil-kritika tiegħu - xi kultant kumbattuta u inċiżiva - b'mod speċjali fuq il-governanza u l-ambjent.
Fuq l-ambjent ir-realtà hi li meta Grech tkellem dwar pajjiż "fgat bil-bini" kien qed jolqot nerv u weġgħa partikolari u li dejjem qed tikber. L-iskuntentizza fuq l-ambjent mhux żgħira u minkejja ħafna wegħdi sbieħ ta' ġonna u spazji pubbliċi, ir-reazzjoni ta' ħafna ambjentalisti lejn it-track record ambjentali ta' dan il-Gvern tvarja minn diżgust assolut sa ottimiżmu pjuttost kawt.
Grech elenka wħud mill-wegħdi li qed jagħmel, fosthom dik li titratta l-odz u anke x-xiri tal-art f'Ħondoq ir-Rummien.
Il-problema ta' Grech iżda hija eżatt bħal dik ta' Abela. Minkejja miżuri u wegħdi pożittivi, la Abela u lanqas Grech ma huma qed iwiegħdu li jmissu lill-akbar problema: L-Ippjanar. Anzi Grech qal li l-Local Plans tal-2006 mhux se jbiddilhom. Mela x'se jagħmel? Kif se jnaqqas il-bini biex ma nibqgħux poplu fgat? X'se jbiddel fir-regoli tal-Ippjanar? U kif huwa favur l-ambjent u diġà qed iwiegħed li se jwessa' aktar toroq - propju eżatt l-istess weġgħa ta' ħafna fuq proġetti fl-aħħar snin? Tagħti tort lil xi ħadd li jgħidlu 'more of the same'?
Jiġifieri Grech kien b'saħħtu sakemm ġie għall-kritika. Inqas b'saħħtu fil-proposti pero ineffettiv daqs Robert Abela meta niġu għal dawk l-affarijiet li verament jeħtieġ jinbidlu fl-ambjent.
FATF: Grech b'saħħtu fi-kritika lejn Gvern Laburista
Bernard Grech kien ukoll b'saħħtu fuq il-governanza u l-FATF. Minkejja li l-FATF stess qalet li l-Gvern għamel ir-riformi li kellu bżonn jagħmel, tant li f'April se tkun qed iżżur pajjżna delegazzjoni tal-istess FATF jibqa' fatt li parzjalment dħalna fil-Lista l-Griża minħabba elenku ta' ġrajjiet u skandli u primarjament l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Allura hawnhekk Grech dejjem se jkollu aktar kredibilità - speċjalment meta jgħid li min daħħalna ma jistax joħroġna minn din il-lista. Anke jekk mhix analiżi korretta, għaliex l-FATF ma tiddeċidix skont min hemm fil-Gvern imma skont riformi li hemm bżonn isiru, xorta dik ta' Grech hija kritika kredibbli.
Finalment Grech kellu kritika inċiżiva wkoll fuq Abela u flus li ħa meta dan kien avukat u meta allura pprova jorbot l-eluf li kien ħa Abela mal-għoli tal-ħajja u probemi li jitlaqgħu magħhom n-nies. Il-Labour ma għandux jissottovaluta kemm l-għoli tal-ħajja qed jinkwieta lill-ħaddiema u lil dawk bi qligħ baxx. Hija sfortuna għal Grech illi minflok mar mill-ewwel fuq din in-narrattiva, litteralment ħela l-introduzzjoni tiegħu jiddefendi akkużi li qed isiru fuq il-midja soċjali dwar id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tiegħu meta lanqas biss kien għadu ġie sfidat dwarhom.
Konklużjoni: Kollox ma' kollox Abela ħareġ aktar b'saħħtu. Mhux rebbieħ ċar, imma aktar b'saħħtu fuq l-aktar kwistjonijiet li verament jagħmlu differenza lin-nies: L-ekonomija u l-but! Grech ħareġ tajjeb fil-kritika iżda tilef iċ-ċans li jissolidifika lilu nnifsu bħala alternattiva kredibbli, xi ħaġa li kienet nieqsa fil-kampanja Nazzjonalista sa mill-bidu nett, għal ħafna raġunijiet - mhux l-inqas strateġiċi!