'Ma konniex perfetti imma konna magħkom. Lesti titilfu dan kollu? Lesti li minfloki jkun hemm Bernard Grech?'
'Immorru fejn immorru 'l barra minn xtutna ma nistħu qatt ngħidu li aħna Maltin' - Miriam Dalli
minn Anthea Cachia
Fl-aħħar attività politika qabel il-Mass Rally ta' għada, il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f'Għawdex, saħaq li għandu l-privileġġ li fl-aħħar sentejn mit-tmexxija tiegħu, sar l-akbar investiment tal-Gvern f'Għawdex u l-aktar li hawn xogħol f'Għawdex għall-Għawdxin bl-inqas rata' ta' qagħad.
"Fl-aħħar sentejn ma konniex perfetti imma konna magħkom dejjem. Tafu kif se tkunu wara s-26 ta' Marzu jekk tagħtuna l-fiduċja! Lesti titilfu dan kollu? Lesti li minfloki jkun hemm Bernard Grech? Għawdxin lestu ruħkom biex tkunu fuq quddiem fl-irkupru ta' pajjiżna," qal Abela.
Qal li fl-aħħar ġimgħat, hu u d-deputati Laburisti oħra tkellmu fuq il-futur t'Għawdex. "Spjeganikom li ż-żmien li Għawdex jibqa' fil-periferija issa spiċċa. Urejna bil-fatti li aħna npoġġu lil għawdex fil-qalba tad-deċiżjonijiet tagħna ta' kuljum."
Qal li ħaddieħor Għawdex kien iqisha tiegħu u għalhekk "kien jieħdu forgranted". Huwa żied jgħid li meta mbagħad l-Għawdxin kienu jiffaċċjaw xi problemi, "kienu jiġu b'xi skuża lesta biex jagħtu impressjoni li ma jistgħu jagħmlu xejn."
Irrimarka li fil-bidu tal-pandemija, il-Partit Nazzjonalista bdew "iġibu l-iskużi. Qaluli li 'Għawdex mhux l-ewwel prijorità, dak tiddependi wisq mit-turiżmu.' Mill-ewwel irrifjutajt dik l-iskuża u għalija it-tweġiba kient tant ovja. Għidtilhom; jekk Għawdex se jaffaċċja sfidi aktar mela se nagħtuh għajnuna aktar".
Fil-manifest tagħna Għawdex jissemma 300 darba, b'53 proposta għalikom diretti biss. Id-doppju ta' dak li hemm fil-ħames verżjonijiet tal-manifest tal-PN Robert Abela
Abela saħaq li l-Għawdxin qatt ma ddiżappuntawh meta talabhom biex joħorġu b'ideat għall-ġid ta' Għawdex. Żied jgħid li l-Għawdxin jibgħu jimmariveljawh bit-talent, ħeġġa u għerf.
"Hemm ħafna li qed jippruvaw ibeżżgħu, l-istess nies tal-2013. Kienu jgħidulna; idrawhom il-kontijiet għolja, urejnihom flimkien li l-kontijiet setgħu jorħsu. U llum x'qed jgħidulna? Il-prezzijiet barra għolew issa jgħolew hawn ukoll. Jekk jibqgħu flimkien nuruwhom li l-kotijiet jibqgħu stabbli," qal il-Prim Ministru.
Fl-aħħar huwa temm jgħid li wara pandemija u l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, il-PN saħaq biex nistennew il-piżijiet, "jekk nibqgħu flimkien nuruwhom li 1000 proposta jistgħu isiru. Għax jekk is-Sibt nibqgħu magħqudin bħal forza tas-sewwa li aħna."
'Għal din l-art aħna nagħmlu kollox'
Intant waqt din l-attività, tkellmet ukoll il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-iŻvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli. Fid-diskors tagħha hija qalet li Grech għajjar lil-Laburisti, "giddibin u kriminali. Imma nħallu lilhom joħolqu d-diviżjoni għax aħna rridu l-għaqda."
Aħna ulied din l-art, ulied Malta u għawdex. Għalina ma tagħmlilnix differenza min inthom, min huma l-ġenituri tagħkom jew il-kulur li xi darba kellkom Miriam Dalli
"Bernard Grech jekk ma taqbilx miegħu jarmik 'l hemm. Ara x'għamlu ma' sħabhom, l-ewwel ġurnata tal-kampanja, aħseb u ara x'jagħmlu ma' ħaddieħor. Moħħu biss biex jifred. Din l-art wisq għażiża għalina m'aħna se nħallu lil ħadd jifred lil dan il-pajjiżna. Is-saħħa tagħna hija fl-għaqda," kompliet tgħid il-Ministru Dalli.
Fl-aħħar hija qalet li jmorru fejn imorru 'l barra minn xtutna, "ma nistħu qatt ngħidu li aħna Maltin. Ma nistħu qatt ngħidu li din Malta tagħna li l-bandiera bajda u ħamra hija l-bandiera ta' kull wieħed u waħda minna. Min hu kburi b'pajjiżu dejjem biss jista' verament imexxi l-pajjiż b'imħabba u dedikazzjoni għax hu l-futur tiegħi u tagħkom. Għalina din l-art tfisser kollox u nagħmlu kollox. Għalhekk Malta flimkien għax inħobbu lil pajjiżna".