L-ILLUM tistaqsi lin-nisa dwar l-iktar wegħda li laqtithom... l-abort jiddomina r-risposti!

Issa li nafu x’qed joffru l-partiti politiċi kollha għal-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, il-gazzetta ILLUM staqsiet numru ta’ organizzazjonijiet dwar liema wegħdiet għan-nisa laqtuhom l-aktar

Natalie Psaila - Doctors for Choice
Natalie Psaila - Doctors for Choice

‘Nilqa b’sodisfazzjon il-proposta ta’ Volt li qed jipproponu li l-abort jiġi ddikriminalizzat u anki legali f’pajjiżna’ – Natalie Psaila, il-Ko-fondatrici ta’ Doctors for Choice u Speċjalista fil-Medicina tal-Familja

Filwaqt li tapprezza kif ADPD qegħdin jitolbu li l-abort jiġi dikriminalizzat f’ċertu ċirkostanzi, Natalie Psaila minn Doctors for Choice qalet mal-ILLUM li tilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta ta’ VOLT Malta li qed jipproponu li l-abort jigi ddikriminalizzat u anki legali f’pajjizna.  

Il-Ko-fondatrici ta’ Doctors for Choice u Speċjalista fil-Medicina tal-Familja sostniet li wasal iż-żmien illi n-nisa f’Malta jiġu pprovduti l-abort meta dan huwa neċessarju. “L-abort huwa servizz essenzjali fil-provista tas-saħħa riproduttiva, u dan jirrifletti x’jitolbu linji gwida tas-saħħa internazzjonali, bħal WHO,” qalet Psaila 

Hija spjegat kif in-nisa f’Malta jistħoqilhom li jkollhom l-istess aċċess għas-servizzi ta’ saħħa bħal ma għandhom nisa oħra fl-Ewropa, mingħajr biża’ li “jiġu mressqa l-Qorti talli ħadu ħsieb saħħithom permezz tal-abort.” 

L-ispeċjalista tinnota bi pjaċir kif il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista qegħdin ukoll jipproponu li joffru kontraċettivi b’xejn. Dan kollu skont hi, jiffaċilità l-aċċess għal kontraċezzjoni u jagħti iktar kontroll lin-nies fuq il-ħajja riproduttiva tagħhom. “Biex nerġgħu inqabblu ma’ pajjiżi Ewropej oħra, l-użu ta' condoms għadu baxx ħafna. Din il-proposta tgħin biex tneħħi t-tabà dwar l-użu ta’ kontraċezzjoni,” temmet tgħid Natalie Psaila. 

Lara Dimitrijevic - Womens Rights Foundation
Lara Dimitrijevic - Womens Rights Foundation

‘Nistennew li l-abbozz ta’ liġi mressaq fl-aħħar leġiżlatura dwar il-femiċidju jerġa’ jiġi ntavolat mingħajr dewmien’ – Lara Dimitrijevic, Womens Rights Foundation 

L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Lara Dimitrijevic il-fondatriċi tal-Womens Rights Foundation (WRF). Hija qalet li bħala fondazzjoni jistennew li l-partiti politiċi jieħdu konjizzjoni għal proposti mressqa mill-Malta Women’s Lobby u li jsir impenn sabiex il-partiti jaddottaw it-tali proposti. Hija sostniet ukoll li mingħajr dewmin jistennew ukoll li l-abbozz ta’ liġi mressaq fl-aħħar leġiżlatura dwar il-femiċidju jerġa’ jiġi ntavolat fil-Parlament. 

Iktar rigward il-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru hija tgħid mal-ILLUM li dejjem hemm lok għal aktar tejbien fil-liġijiet eżistenti. Spjegat kif fil-qafas leġiżlattiv eżistenti hemm bżonn ta’ aktar ħidma sabiex liġijiet jiġu riflessi f’politika, stħarrig speċjalizzat għal professjonist u awtoritajiet konċernati, kif ukoll jiġu addotati miżuri għal protezzjoni effettiva.  

“Bħal dejjem aħna lesti li nagħtu l-appoġġ assolut sabiex nkomplu naħdmu flimkien biex neradikaw din il-pandemija,” qalet Dimitrijevic. 

Intant dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali, għal fondazzjoni huwa ta’ “inkoraġġament li qed naraw iż-żewg partiti politici PL u PN, iwegħdu aċċess għal kontraċettivi u l-morning after pill.” 

Fl-2018 il-fondazzjoni WRF kienet tkellmet fuq saħħa riproduttiva fejn fost affarjiet oħra talbu sabiex il-kontraċettivi jingħataw b’xejn. Dwar dan Dimitrijevic tgħid illi "minkejja l-eżitu ta’ din l-elezzjoni, qed nistennew li l-wegħdiet f’dan ir-rigward jiġu implementati mingħajr dewmien.” 

Għaldaqstant il-fondazzjoni qed titlob biex issir riforma sħiħa f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u riproduzzjoni. Fuq l-istess ħsieb tal-Partit tal-Ħodor u anke Volt Malta, Dimitrijevic tgħid li għalkemm il-pass ta’ kontraċettivi b’xejn hu tajjeb, dan għandu jiġi segwit minn “impenn serju sabiex tiġi indirizzata l-inugwaljanza u l-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel, kif ukoll fuq livel ta’ komunità.” 

Il-fondatriċi ta’ WRF temmet billi tkellmet dwar kif il-partit ADPD u VOLT ukoll semmew is-saħħa u riproduzzjoni fil-manifest elettorali tagħhom, iżda għal kuntrarju taż-żewġ partiti politiċi l-kbar, “huma rrikonoxxew li l-aċċess għall-abort huwa kruċjali għam-nisa f’pajjiżna.” 

“Aħna qed nibqgħu insegwu u nittamaw illi jsiru l-passi kollha għan-nisa f’pajjiżna sabiex id-drittijiet tas-saħħa u r-riproduzzjoni f’Malta jittieħdu bis-serjetà mistħoqqa.” 

Christine Cassar - Membru tal-Moviment Graffitti
Christine Cassar - Membru tal-Moviment Graffitti

'L-ADPD qed jagħraf il-bżonn tad-diskussjoni li eventwalment twassal għal-introduzzjoni ta’ dan id-dritt fundamentali tan-nisa fil-pajjiż' - Christine Cassar, Membru tal-Moviment Graffitti

Il-Moviment Graffitti wkoll kellu xi jgħid fuq il-manifesti elettorali għan-nisa. Mal-ILLUM tkellmet membru tal-moviment, Christine Cassar. 

Hija mill-ewwel wieġbet li bla dubju l-aħjar wegħda għaliha hija dik tal-ADPD. Dan għaliex il-Partit tal-Ħodor kien minn tal-ewwel biex fir-rigward tas-saħħa riproduttiva tan-nisa joħroġ favur id-dikriminalizzazzjoni tal-abort, almenu f’ċertu aspetti.  

Cassar ċċarat kif hi ma taqbilx mal-argument tal-ADPD fejn jgħidu li d-dritt għall-għażla huwa “argument neoliberali, fejn il-libertà individwali m’għandhiex limiti.” Minkejja dan għal Cassar il-partit xorta qed jagħraf il-bżonn ta’ diskussjoni serja fuq is-suġġett. 

“L-ADPD qed jagħraf il-bżonn tad-diskussjoni li eventwalment twassal għal-introduzzjoni ta’ dan id-dritt fundamentali tan-nisa fil-pajjiż,” stqarret Cassar. 

Għaldaqstant Christine Cassar irrimarkat li ż-żewġ partiti l-kbar għal darb’oħra “ddeċidew li jinjoraw kompletament is-saħħa riproduttiva tan-nisa.” Dan filwaqt li fakkret li sena ilu ġie ppreżentat abbozz ta’ liġi fil-Parlament biex jiġi ddikriminalizzat l-abort f’Malta. 

Hawn Cassar qed tirreferi għal dak li ipproponiet Marlene Farrugia meta qalet li l-assistenza medika biex isir abort f’Malta m’għandhiex tibqa tiġi kriminalizzata. Dan jiġifieri l-ebda tabib jew professjonist m’għandu jiffaċċja proċeduri kriminali għall-assistenza medika lil persuna li tixtieq tagħmel l-abort.  

Riccarda Darmanin - General Workers Union
Riccarda Darmanin - General Workers Union

'Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li fil-manifesti elettorali n-nisa Maltin qed jinatgħu attenzjoni xierqa' -  Riccarda Darmanin, Segretarju tal-GWU - Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi)

“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li fil-manifesti elettorali, in-nisa Maltin qed jinatgħu attenzjoni xierqa li ser tgħin biex ikomplu jsibu l-post li jixraqilhom fis-soċjetà.” Hekk sostniet mal-ILLUM Riccarda Darmanin, Segretarju mal-GWU. Għalkemm wegħdiet dwar ix-xogħol u bilanċ min-naħa tal-partiti ma naqsux, Darmanin għażlet l-ewwel li titkellem fuq wegħdiet oħra li laqtuha.

Fosthom semmiet l-emendi fil-liġi tal-IVF illi “se tgħin kull mara li tixtieq issir omm.” Dan juri għal Darmanin li l-familja għadha valur importanti għal Maltin u skont hi dan jibqa’ joħroġ anke fil-mod li numru ta’ wegħdiet iduru mal-familja fosthom żidiet fiċ-Children Allowance.

Billi tireferri għal Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, Darmanin tkellmet ukoll mal-ILLUM dwar l-importanza tas-saħħa tat-tfal. Hija semmiet kif numru ta’ miżuri bħal screening fos it-tfal minn eta’ bikrija turi kif il-Gvern lest jindirizza problemi tas-saħħa.

Fil-każ tal-mara fid-dinja tax-xogħol, Riccarda Darmanin laqtita proposta oħra tal-Partit Laburista. Dik li għal nisa intraprendituri li jixtiequ jibdew negozju, fil-Pjan Nazzjoni għar-Riġenerazzjoni Soċjo Ekonomika, ser jingħataw għajnuna ta’ €15,000 filwaqt dawk li diġà għandhom xi negozju u jixtiequ jirrinovaw in-negozju tagħhom, dawn ser jiġu ffinanzjati b'50% tal-ispejjeż.

More in Elezzjoni 2022