'Il-Partit Laburista għax ma beniex l-isptar f'Għawdex li ilu jwiegħed? Se jerġa’ jidħak bikom!'

Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu l-Għawdex għal qalbu u 'għal PN, Għawdex ipoġġi fl-istess mejda ma’ Malta'

Kwistjoni li l-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem fuqha u saħansitra rat lil l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-Qorti kontra l-Gvern dwarha hi dik tal-Vitals. Fil-fatt Grech fakkar dan u fakkar ukoll fil-wegħdiet li għamel il-Partit Laburista f’elezzjoni preċedenti imma “li qatt ma saru”, fosthom dik li jinbena sptar ġdid f'Għawdex. Dan għamlu waqt rally illejla f'Għawdex. 

Fid-dawl ta’ dan il-Partit Nazzjonalista qiegħed iwiegħed illi “l-unika sptar f'Għawdex nerġgħu nagħtuh lilkom l-Għawdxin u nibnu sptar ġdid ta’ 400 sodda.”

Grech wissa li Partit Laburista fil-Gvern se jerġa’ jidħak bil-poplu u għalhekk staqsa “kif tistgħu terġgħu tafdawhom?”

L-ewwel hu imbagħad forsi intom’

Bernard Grech ta bidu għad-diskors tiegħu ġewwa r-Rabat Għawdex billi semma għal darba oħra l-allegazzjoni li Robert Abela kera' l-villa tiegħu ġewwa ż-Żejtun lil żewġ Russi li applikaw biex jixtru iċ-ċittadinanza Maltija.

L-aħbar li ġiet żvelata minn ġurnal lokali hija dwar kif ix-xerrejja prospettivi ta’ passaporti Maltin huma maħsuba li jirrispettaw rekwiżiti stretti ta’ residenza, inkluż li jgħixu fi proprjetà mikrija jew mixtrija sabiex jipprovaw li stabbilixxew “rabta ġenwina” mal-pajjiż. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li dan kollu juri kemm vera “Abela abbuża mill-kariga tiegħu” meta dak iż-żmien Abela kien avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Fakkar li sa ġimgħa qabel kien żvelat ukoll kif il-villa innifisha kienet “inxtrat b’numru ta’ irregolaritajiet.” Grech sostna illi Abela iggwadanja il-miljuni minn fuq koppja li kellha tbiegħ il-villa bi prezz baxx, dak ta’ €600,000, minħabba li ħafna mill-permessi ma kinux se jiġu approvati. Dan għal Grech juri biss li Abela jitfa lilu nnifsu bħala l-prijorità.

Nhar il-Ħadd li għadda f’Mass Rally bħal tal-lum iżda minn Tas-Sliema, Grech sfida lil Abela biex jippubblika r-rapport ippreżentat lill-Kummissarju tat-Taxxi dwar il-valur tal-villa tiegħu fiż-Żejtun. Illum minn Għawdex, Grech saħaq li s-skiet min-naħa ta’ Abela jfisser li l-Prim Ministru għandu x’jaħbi.

“Sfidajtu imma għadu ma ppublika xejn ... issa jew għax għandek x’taħbi jew għax ma sarx,” qal Grech.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li Robert Abela “qarraq, ħa u għadu jieħu il-miljuni minn fuq dahar il-poplu.” Fakkar li f’ċirkostanzi normali r-rapporti kienu jsiru u għalhekk li skont Grech “għal Abela ma jeżistux liġijiet”. 

Skont Grech din hi r-raġuni għaliex Abela ma riedx “iwaqqaf ċittadinanza għal oligarki Russi.” 

Qorti, Sptar u MCAST ġodda għal Għawdxin jekk il-PN ikun fil-Gvern

Fost il-wegħdiet tal-PN għal Għawdex hemm Qorti ġdid, sptar ġdid ta’ 400 sodda u binja għall-MCAST ġdida li toffri possibilità għal-korsijiet ġodda anke marbuta mal-10 setturi ġodda li ilu jipproponi.

Wegħda oħra, li ilha fl-aġenda tal-PN mill-2017, hi dik ta’ Kunsill Reġjonali ġdid għal Għawdex għax “aħna ma nibżgħux nitilqu l-poter minn idejna.”

Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu lil Għawdex għal qalbu u “għal PN, Għawdex ipoġġi fl-istess mejda ma’ Malta.”

'Ineħħu dak l-imbarazz li ġabulna tal-Labour u nżidu żewġ vapuri ġodda'

Il-konnettività bejn Malta u Għawdex kisbet attenzjoni minn kull Partit Politiku matul din il-kampanja elettorali. Minbarra l-proposta Nazzjonalista ta' referendum għall-Għawdxin dwar il-mina, Grech qiegħed iwiegħed li PN fil-Gvern iżid żewġ vapuri oħra, wieħed tal-merkanzija u ieħor tal-passiġieri. 

More in Elezzjoni 2022