Bil-metro, bit-tramm jew se nibqgħu bil-karozza? L-ILLUM tqabbel iż-żewġ proposti għat-trasport tal-massa

Min jgħid li l-metro aħjar, min jgħid li t-tramm aktar vijabbli u min jgħid li mhu se jsir xejn u se nibqgħu bil-karozza. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn iż-żewġ sistemi ta’ trasport tal-massa li qed isemmu l-PN u l-PL

Trackless Tram
Trackless Tram

F’kull Elezzjoni Ġenerali dejjem ikun hemm dik il-proposta li tispikka l-aktar. Din is-sena, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-proposta dwar it-tramm bla binarji (trackless tram) u bħalma jiġri dejjem, meta tiġi ppreżentata proposta ġdida, tqum id-diskussjoni dwar jekk hux tajba jew le, tistax issir u jekk mhux vijabbli.

Hekk ġara fl-2013 meta l-Partit Laburista wiegħed powerstation ġdida li taħdem bil-gass. Tiftakruha lil Ann Fenech titbaqbaq dwar it-tanker tal-gass u Konrad Mizzi jipprova jikkonvinċi? 

Hekk ġara din is-sena. Il-PN ippropona s-sistema ta’ trackless tram minflok is-sistema ta’ metro li qed jistudja l-Gvern u mill-ewwel bdew id-diskussjonijiet hijiex vijabbli u jekk hux se ssolvi l-problemi jew inkella hux se żżidhom. 

Kollox fih il-vantaġġi u l-iżvantaġġi u għalhekk l-ILLUM se tkun qed tikkumpara s-sistema li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista u l-proposta tal-metro li ftit xhur ilu, il-Gvern ippreżenta l-istudji dwarha.

Qed jintrabtu jew le? X’jgħidu l-manifesti?

Il-PL mhuwiex jikkometti lilu nnifsu li jwettaq il-proġett tal-metro. Qiegħed jgħid biss li jrid jara diskussjoni “ħajja” dwar il-metro biex “jintlaħaq kunsens wiesgħa.” Qal ukoll li se jkunu qed isiru aktar studji tekniċi dwar l-impatt tal-proġett mill-aspett ambjentali, soċjo ekonomiku u ġeoloġiku biex ikun magħruf jekk huwiex vijabbli.

Il-PN, mill-banda l-oħra, qiegħed jikkometti lilu nnifsu li fil-leġislatura li jmiss tkun implimentata s-sistema ta’ trasport tal-massa mingħajr binarji. 

Minn wettaq l-istudji?

Is-sistema ta’ metro li qed jipproponi l-Gvern saru l-istudji dwarha mill-kumpanija Arup, kumpanija bbażata f’Londra. Fil-fatt, l-esperti li wettqu dan l-istudju kienu preżenti u kienu huma li għamlu l-preżentazzjoni meta ġiet ippreżentata l-proposta.

Il-Partit Nazzjonalista ma qalx min huma eżatt l-esperti li magħhom studja l-proposta tat-trackless tram. Qed jgħid biss li l-proposta ġiet żviluppata wara diskussjonijiet “mal-esperti” iżda dawn sa issa ma dehru mkien.
Kemm jiswew u kemm idumu biex ikunu lesti?

Il-PN qiegħed jagħfas ħafna fuq il-fatt li l-proġett tiegħu huwa rħas u jista’ jkun implimentat f’qasir żmien. Għalhekk, qed jisħaq li l-proġett li qiegħed jipproponi huwa vijabbli, flessibbli u se joffri soluzzjoni għall-problema tat-traffiku b’mod immedjat.

Fil-fatt, il-proposta tal-Gvern tiswa’ lill-pajjiż €6.25 biljun u tkun lesta fi żmien 15-20 sena. Madanakollu din tkun tista’ ssir f’fażijiet. L-itwal u l-ewwel fażi tal-proġett tieħu bejn ħames u tmien snin biex tkun lesta. 

Mill-banda l-oħra, il-PN qed jgħid li l-proposta tiegħu ssir b’investiment ta’ €2.8 biljun u qed jintrabat li jwettaqha fil-leġislatura li jmiss, jiġifieri tkun lesta u taħdem sa ħames snin oħra.

Kemm ikopru lokalitajiet u kif ikunu maqsuma?

Il-proposta li qed jistudja l-Gvern tgħaddi minn 24 lokalità u l-metro tkun maqsuma fi tliet linji, jiġifieri dik ħamra, ħadra u blu. Is-sistema tkopri madwar 35 kilometru u tinkludi 25 stazzjon. It-tliet linji jiltaqgħu fi tliet postijiet, fejn persuna tkun tista’ tbiddel il-linja. Ara l-istampa biex tifhem minn fejn u kif se tieqaf  il-metro.

Is-sistema tat-tramm bla binarji tikkonsisti f’sitt linji, b’disa’ hubs u 13-il interchange. B’kollox tkopri 173 kilometru u jkun hemm 47 waqfa u jkunu qed jintlaħqu 42 lokalità, miċ-Ċirkewwa sa Birżebbuġa. Kull linja topera fuq bażi ta' ċirkolari. Ara l-istampa biex tifhem minn fejn u kif se tieqaf is-sistema tat-trackless tram.

Veloċità: Kemm iddum biex tasal minn post għall-ieħor?

Is-sistema tal-metro hekk kif ippreżentata mill-kumpanija Arup tinkludi d-dettalji ta’ kemm idumu l-vjaġġi. Minn Mater Dei jew l-Università, sal-Belt Valletta, il-metro ddum sejra 10 minuti. Xi eżempji jinkludu: Minn Pembroke sa San Ġiljan żewġ minuti, sa Tas-Sliema 10 minuti, san-Naxxar 17-il minuta u sa Mater Dei sitt minuti. Minn Mater Dei sal-Imsida vjaġġ idum żewġ minuti, sal-Belt 14-il minuta, san-Naxxar 11-il minuta u sal-Ajruport 10 minuti. L-itwal vjaġġ (mingħajr bidla bejn linja u oħra), jiġifieri dak minn Pembroke sa Buġibba jieħu 17-il minuta. Fl-aktar ħinijiet attivi, tasal ferrovija kull żewġ jew tlieta minuti f'kull stazzjon. F'ħinijiet aktar kwieti, il-frekwenza tkun bejn ħames u għaxar minuti. 

Il-PN mhux jippreżenta l-ħinijiet eżatt kemm idum vjaġġ minn lokalità għall-oħra. Jgħid biss li t-tramm tlaħħaq veloċità ta’ 50 kilometru fis-siegħa u kapaċi tgħabbi 500 passiġġier f’kull ħin. Qiegħed iwiegħed li din tkun taħdem 24 siegħa kuljum.

Fuq jew taħt l-art?

Il-proposta li qed jistudja l-Gvern hija dwar sistema ta’ metro li tkun kollha kemm hi taħt l-art, ħlief għal parti żgħira ħafna. Il-mini (mina waħda b’żewġ tubi) jkunu mħaffra bejn 10 u 12-il metru taħt l-art. 

Mill-banda l-oħra, il-proposta tat-trackless tram hija kollha kemm hi fuq l-art. Il-PN qed jisħaq li s-sistema tinkorpora anke t-toroq li fl-aħħar snin il-Gvern nefaq miljuni kbar fuqhom biex ikunu mwessgħa jew irranġati. Qed jgħid li se jkun hemm karreġġjata ddedikata għat-tramm u li din tkun tgħaddi minn toroq arterjali u distributorji. Sistema ta’ “intelligent signalling,” tippermetti li t-tramm tgħaddi mingħajr xkiel. 

X’mistoqsijiet qed iqajmu?

Bla dubju ta’ xejn, is-sistema ta’ metro tqajjem ħafna mistoqsijiet, b’mod partikolari dwar it-terrapien iġġenerat mit-tħaffir tal-mini. L-istudji qed juru li l-proġett kapaċi jiġġenera madwar 9.8 miljun tunellata ta’ terrapien. 

Madanakollu, l-istudji ta’ Arup jgħidu li dan jista’ jkun qed jintuża fi proġetti oħra potenzjali ta’ reklamazzjoni tal-art u li tkun tista’ tintuża wkoll għal produzzjoni ta’ enerġija alternattiva. Fil-fatt, jagħtu eżempju b’dak li seħħ fil-każ tal-proġett Cityringen f’Copenhagen.

Mill-banda l-oħra, it-trackless tram qed tqajjem mistoqsijiet dwar kemm tista’ tkun effettiva biex tnaqqas it-traffiku u jekk tistax saħanistra żżidu, peress li din se tkun qed tieħu karreġġjata eżistenti. Il-PN qed jisħaq li mhux se jkunu qed jitwessgħu t-toroq biex jagħmlu tajjeb għal din il-karreġġjata ddedikata. 

Dan ifisser, kif ikkonferma wkoll id-Deputat Ryan Callus, li tramm se tkun qed tieħu karreġġjata li sal-lum hija ddedikata għall-karozzi. Madanakollu, il-PN qed jinsisti li se jkun qed isir “l-aġġustament neċessarju tal-karreġġjati eżistenti għall-imminiġġjar aktar għaqli tal-ispazju pprovdut mit-toroq.”

Qed jisħaq ukoll li s-sistema se tkun waħda effiċjenti u taħdem ma’ sistema aktar wiesgħa ta’ trasport pubbliku u li se sservi ta’ inċentiv biex aktar persuni jħallu l-karozza privata. 

More in Elezzjoni 2022