'Tivvotawx lilna minħabba n-nuqqasijiet tal-PN... imma ivvotawlna għax aħna kompetenti u kredibbli'

Il-PM u Mexxej Laburista qal li akbar kemm tkun il-fiduċja, akbar se tkun l-umiltà u akbar se tkun is-saħħa u l-kuraġġ ta' Gvern Laburista biex ikompli jwettaq ir-riformi

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

Meta llejla kien qed jitkellem f'Raħal Ġdid il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela b'vuċi pjttost maħnuqa  kontinwament għamel appelli lin-nies biex ikunu miegħu u mal-Moviment Laburista għax qal illi "flimkien ma hemm xejn li hu impossibbli." 

"Bdejna noħorġu l-proposti l-mument li bdiet il-kampanja u l-Oppożizzjoni qabadhom paniku u bdew jgħidu li jridu jaraw il-manifest sħiħ tagħna, imbagħad meta ħriġnih ma sabu xejn xi jgħidu dwaru," qal Abela li sostna illi l-Partit Nazzjonalista ma jixraqlux il-vot tan-nies u li l-aħħar ħames snin kienu konferma ċara ta' dan. 

Iżda imabgħad qal li n-nies ma għandhomx jivvutaw lill-Partit Laburista minħabba n-nuqqasijiet tal-PN. "Imma lilna vvotawlna għax jekk tagħtuna l-fiduċja, se nagħtu Malta aħjar lil uliedna, Malta aħjar għall-ħaddiema, pensjonijiet ogħla, għax vot lilna huwa €700 miljun investiment fl-ambjent, għax se nagħtu l-aqwa inċentiv li qatt tajna lill-First Times Buyers, għaliex se naqqsu t-taxxa u l-garanzija għat-tfal biex kulħadd ikun ugwali. Imma fuq kollox ivvotawlna għax aħna kompetenti u kredibbli." 

Il-PM u Mexxej Laburista qal li akbar kemm tkun il-fiduċja, akbar se tkun l-umiltà u akbar se tkun is-saħħa u l-kuraġġ ta' Gvern Laburista biex ikompli jwettaq ir-riformi. 

"Konna tim magħqud u b'saħħtu u rrid grupp parlamentari b'saħħtu... se nibqgħu għaddejjin sas-Sibt nikkonvinċu lin-nies biex jagħmlu l-għażla għall-futur," qal Abela li sostna illi ma jridx imur lura għall-passat ta' qgħad, eluf ta' familji f'kirja li ma kienet protetta xejn u pensjonijiet iffriżati. 

Ir-rally f'Raħal Ġdid
Ir-rally f'Raħal Ġdid

Il-Mexxej Laburista sostna li jrid pajjiż li jimxi 'l quddiem, biex aktar nies ikollhom iċ-ċans li jsiru ġenituri u fakkar li l-Partit Laburista qed iwiegħed tibdil fil-Liġi tal-IVF biex aktar nies isiru ġenituri. 

"L-għażla hija ċara. Il-PN għażlu l-protagonista tal-Le imma aħna l-partit tal-Iva li nagħmlu l-ħolm tan-nies possibbli," sostna Abela f'referenza għall-fatt li waħda mill-ewwel appuntamenti fil-pubbliku ta' Bernard Grech kienet bħala persuna fil-kampanja kontra d-divorzju. Waqt il-kampanja għall-Kap ġdid tal-PN Grech kien qal illi llum jifhem il-pożizzjoni ta' diversi nies u esprima bidla fil-pożizzjoni tiegħu. 

Huwa qal li l-poplu jaf li hu kien magħhom waqt pandemija u fi żmien meta kien hemm biss dlam qed jistenna lid-dinja u lil Malta. "Qatt ma bżajt u qatt ma jiena se nibża' nemmen f'pajjiżi. Qatt mhu se nieqaf niġġieled għalikom għax meta niġġieled għalikom, qed niġġieled għall-familji Maltin u Għawdxin kollha."

Abela temm b'appell biex in-nies jivvutaw. "Wasal iż-żmien, il-futur f'idejna, ejja niksbuh flimkien bħala moviment. Aħna lkoll il-moviment. Iż-żgħażagħ li jridu ħajja ġdida, l-anjzani li jridu jgawdu ħajja ġdida, il-koppji li jridu jixtru l-ewwel post. Għax flimkien xejn mhu impossibbli."

More in Elezzjoni 2022