'Immur norqod b'moħħi mistrieħ li dħalt fil-politika nadif u se noħroġ mill-politika nadif'

Il-wiċċ sinonimu mad-drittijiet tan-nies b’diżabilità u l-persuna li ħa post Gavin Gulia, ħmistax wara li dan rebaħ elezzjoni każwali. L-ILLUM tiltaqa’ mad-Deputat u l-kandidat tal-PL fuq it-tieni u r-raba’ distrett, Oliver Scicluna.

Oliver Scicluna - kien Deputat fl-aħħar leġiżlatura
Oliver Scicluna - kien Deputat fl-aħħar leġiżlatura

“Qatt ma kont tesserat jew membru fil-partit. Jogħġobni kollox li jagħmel il-Partit Laburista? Lanqas xejn, imma għalhekk dħalt. Biex nisfida lill-partit minn ġewwa ħalli jkompli jissaħħaħ u fejn jimxi ħażin ibiddel ir-rotta.” Hekk sostna mal-gazzetta ILLUM il-Membru Parlamentari Oliver Scicluna.

Mistoqsi mil-ILLUM għaliex ħareġ fil-politika u għaliex għażel lill-Partit Laburista, huwa stqarr li d-deċiżjoni ma kienet xejn faċli. “Bħala Kummissarju kont għal qalbi ħafna. Nemmen li kien għad fadalli x’noffri f’dak l-irwol, kelli viżjoni u kont qed nagħmel politika xorta,” kompla Scicluna.

Oliver Scicluna hu wiċċ sinonimu mad-drittijiet tan-nies b’diżabilità minħabba l-kariga li kellu bħala Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. Liema kariga hu kien jokkupa minn Ġunju tal-2016 sa’ Jannar tal-2021, sakemm ġie co-opted fil-Parlament minflok Gavin Gulia. 

Dak iż-żmien il-kontroversja kienet waħda taħraq minħabba l-mod ta’ kif il-Partit Laburista tratta l-elezzjoni każwali biex jintela’ ż-żarbun tal-eks Ministru Edward Scicluna. Gulia kien rebaħ l-elezzjoni każwali li ratu jispiċċa t-tirġrija b'2,216-il vot, sagħtejn wara, minkejja l-eċitament kollu, huwa rriżenja u minfloku ħa s-siġġu Scicluna.

Imma l-PL ħa vantaġġ mill-pożizzjoni u d-diżabilità ta’ Scicluna?

Ġaladarba huwa jisħaq li aċċetta l-offerta tal-Prim Ministru Robert Abela u qatt ma ddispjaċiħ, l-ILLUM tistqasih jekk jaħsibx li l-PL ħax vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu bħala kummissarju jew inkella ħax vantaġġ mid-diżabilità tiegħu. 

“Jista’ jkun” ammetta Scicluna filwaqt li żied jgħid kif il-President tal-PL Daniel Micallef u il-Mexxej Robert Abela “dejjem emmnu fil-potenzjal tiegħi.” Huwa saħaq li dejjem tawh l-ispazju biex jikkontribwixxi l-ideat tiegħu l-iktar fis-setturi li hu l-iktar jifhem fihom. Intant huwa żied jgħid li anke fil-Parlament, in-naħa l-oħra tal-Kamra dejjem rispett ġabulu.

Għaldaqstant Scicluna jemmen li meta l-Prim Ministru jagħżel persuna, ma jkunx qed jagħżilha biss għal kapaċitajiet tagħha.

“Jikkalkula kollox anke min fejn ġej persuna. Jien għixt fis-sempliċità tiegħi, bħala Kummissarju mexxejt b’etika mingħajr ma qatt rajt kuluri. Għadni ma narax kuluri għax jiena n-nies narahom bħala nies mhux bħala voti. Apparti minn hekk l-isfond tiegħi hu wieħed nadif allura dejjem immur inpoġġi rasi fuq l-imħadda bis-serħan tal-moħħ li dħalt fil-politika nadif u se noħroġ mill-politika nadif,” sostna Scicluna

‘Illum inħossni obbligat li nkun il-vuċi ta’ dawn in-nies’

Allura x’inhi l-importanti għal Scicluna fil-politika? Huwa dlonk wieġeb li “tolqot lil kulħadd mingħajr ma tħalli liż-żgħir bla leħen u bla vuċi.” Scicluna jispjega kif anke bħala politiku jfittex u jiġri wara nies li qegħdin f’livell baxx tas-soċjetà minħabba li ma jkollhomx l-għodda neċċessarja biex jgħixu ħajja indipendenti u iżjed awtonoma.

“Jiena nuża l-esperjenza tiegħi għax jiena m’għandix bżonn nilbes iż-żarbun ta’ ħaddieħor għax jiena kont fiż-żarbun ta’ ħafna problemi li jaffaċjaw ċerti nies hemm barra,” espriema d-Deputat.

Huwa qal li bħala Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità kien diġà jagħmel li jista’ biex ikun il-vuċi tal-minoritajiet, iżda dan l-obbligu żdied meta beda’ jiltaqa’ ma’ anzjani fis-solitudni, żgħażagħ li tilfu l-fiduċja fil-politiċi, ma tfal li ma’ jistgħux ilaħħqu mal-edukazzjoni, fost ħafna oħrajn.

“Hawn ħafna niċeċ ta’ nies fis-soċjetà li meta tgħaqqadhom f’daqqa jagħmlu numru kbir ta’ nies li kultant mhumiex mismugħa biżżejjed. Jien nagħmel mezz li bil-politika li nmmexxi l-quddiem u bil-liġijiet li nitkellem dwarhom, dawn it-tip ta’ nies jiġu indirizzati,” 

Fuq dan il-ħsieb huwa żied jgħid ukoll  li ma jara xejn ħażin meta persuna tbiddel fehmtha. Bħala eżempju huwa ammetta li huwa ma kienx jaqbel mal-proposta tal-IVF fejn anke saħansitra bħala Kummissarju kien tkellem kontra l-istess proposta. Il-fehma tiegħu pero’ inbiddlet meta beda’ jisma’ lill-koppji li qasmu miegħu l-uġigħ tagħhom.  

“Tispiċċa tikkumpara ħajtek ma tagħhom. Inti kellek it-tfal, ma kellekx dawk il-problemi, kellek iċ-ċans tħaddanhom, għandek iċ-ċans trabbihom bit-tajjeb u l-ħażin, tibda’ tgħid jien qed inkun egoist meta ma naqbilx ma’ dik il-proposta u ftit ftit bdejt nifhem li rrid indawwar il-ħsieb tiegħi,” stqarr mal-ILLUM.

‘Meta żagħżugħ ta’ 25 sena li għandu paga ta’ €1,200 jgħidli li jrid akkomodazzjoni soċjali jien ma nifhimhiex’

L-ILLUM staqsiet lil Oliver Scicluna xi jħoss li hi l-prijorità tal-konstitwenti tiegħu. Koinċidentalment fuq l-istess ħsieb tal-artiklu li ġie ppublikat minn din il-gazzetta l-Ħadd li għadda, Scicluna jgħid li l-ilmenti dwar il-Housing u l-ambjent huma l-aktar li jippersistu.

Għaldaqstant huwa jemmen li hemm din it-talba kollha u repetizzjoni minn persuna għall-oħra dwar is-sitwazzjoni tal-Housing mhux għax ma sar xejn f’dan is-settur mil-Gvern attwali. Għal kuntrarju, hu jaħseb li bħala kultura, “għadna ma drajniex il-metodi diversi li ġew anke mħabbra minn dan il-Gvern stess.” L-istess skemi skont Scicluna jistgħu jkunu alternattiva għall-akkomodazzjoni soċjali.

“Jekk jiġi żagħżugħ ta’ 25 sena li għandu paga ta’ €1200 u jgħidli rrid akkomodazzjoni soċjali jien ma nifhimhiex għax jien meta xtrajt il-post, mhux għexieren ta’ snin ilu, paga ta’ €1,200 kelli, u x’għamilt? Mort infittex post, ħadt self u għandi 60 sena biex inħallasha,” jgħid mal-ILLUM.

Hu temm jgħid li għalhekk meta jiġi dak iż-żagħżugħ, jipprova jagħtih informazzjoni u jinkorraġih li aħjar jinvesti fil-proprjetà tiegħu permezz tal-iskemi li diġà qegħdin fis-seħħ għax “xi kultant gwida jkollhom bżonn in-nies.”

More in Elezzjoni 2022