Il-Kandidat tal-ADPD fuq is-Sitt Distrett Sandra Gauci qalet illi l-proġett tat-twessigħ tat-triq fl-Imrieħel u l-bini ta' flyover huwa "ġennata" u fakkret li proġett bħal dan jieħu 15-il tomna art lill-bdiewa. Hija qalet li proġett ta' dan it-tip huwa ġennata akbar fiż-żminijiet ta’ bħalissa fejn "il-provvista tal-ikel hija waħda mill-ikbar uġigħ ta’ ras għal ħafna pajjiżi, fosthom Malta, fid-dawl tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja."
Gauci qalet illi kieku hemm l-għaqal nibżgħu għall-għelieqi tagħna u nieħdu ħsieb lill-bdiewa "u mhux nitrattawhom ta’ disposables li ma għadx hemm bżonnhom u nissagrifikaw art għammiela li tagħti l-ikel fuq l-artal tal-hekk imsejjaħ progress, għall-karozzi li xorta se jeħlu x'imkien.”
Gauci qalet kif il-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kienet tagħmel aktar sens u anqas ħsara imma saħqet li din donnha mhix ta’ profitt għall-bwiet tal-iżviluppaturi "u allura qed tiġi mwarrba. Gauci kompliet tispjega kif il-manifest elettorali tal-ADPD għal din l-elezzjoni qed juri illi Malta m’għandniex bżonn iktar toroq.
"Tnaqqis ta' karozzi mit-toroq jwassal għal tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku u titjib fil-kwalità tal-ħajja, inkluż iktar sigurtà fit-toroq tagħna għal kulħadd. Meta se nindunaw li dan mhux il-mod kif tnaqqas it-traffiku? Meta se jagħrfu l-importanza tax-xogħol tal-bidwi? Għalfejn il-leħen tan-nies ta’ Ħal Qormi mhux qed jingħata widen? Dan huwa l-aħħar pulmun aħdar li baqgħalhom il-Qriema u b’rappreżentanza ta’ ADPD fil-Parlament nassiguraw li dawn iż-żoni ħodor li ftit għad fadal minnhom f’pajjiżna ma jkomplux jitnaqqru,” temmet tgħid Sandra Gauci.