‘Kont se ningħaqad ma’ numru ta’ kandidati nisa indipendenti… Imma l-mekkaniżmu għamluh għall-PN u l-PL biss’ - Cassola

Ħmistax ilu smajna l-aħbar li Cassola rebaħ l-appell kontra l-Mekkaniżmu tal-kwota tal-Ġeneru… B’23.6% biss tal-kandidati f’din l-elezzjoni jkunu nisa, din ir-rebħa xi tfisser għalihom? U l-kandidati tal-partiti ż-żgħar x’se jsir minnhom? L-ILLUM titkellem ma’ Arnold Cassola u Carmel Cacopardo

“Ħafna nies huma mħassba għax vot lill-ADPD jew kandidati indipendenti huwa vot moħli, minħabba l-mod ta’ kif inhi s-sistema issa.” Dan kien kumment minn ċittadin bħali u bħalek li xxerred fuq Facebook fid-dawl li qegħdin ftit ġranet biss ‘l bogħod mill-elezzjoni ġenerali.  

Iżda din tas-26 ta’ Marzu mhix elezzjoni ġenerali kwalunkwe minħabba l-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja elettorali ta’ pajjiżna se jitħaddem mekkaniżmu ġdid, bl-intenzjoni li jtejjeb il-kwota tan-nisa fil-Kamra tar-Rappreżentanti.  

Kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kandidat indipendenti fuq l-10 u l-11-il distrett Arnold Cassola li qed jiġġieled kontra dan il-mekkaniżmu fil-Qrati ta’ Malta għax ifakkar li dan il-mekkaniżmu jaħdem biss meta fil-Parlament ikun hemm biss iż-żewġ partiti l-kbar, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.  

Cassola stqarr mal-ILLUM li qabel ma’ ħarġet l-aħbar ta’ dan il-mekkaniżmu l-pjan kien li jingħaqad ma’ numru ta’ kandidati nisa indipendenti. “Meta mbagħad ħarġet il-liġi li jiġu co-opted biss nisa Laburisti u Nazzjonalisti, qaluli ‘għalxejn noħorġu. M’għandna qatt ċans li nitilgħu! Allura telfuli d-dritt tal-libertà tal-assoċjazzjoni.” 

Kompla jgħid li dan ifisser li, “l-vot tiegħi u ta’ dawk li vvutaw lil nisa indipendenti m’għandhomx  l-istess piż ta’ vot daqs ħaddieħor.”  

‘Il-Qorti qalet li m’għandix interess għax jien raġel’ 

Tajjeb li nfakkru li f’Jannar li għadda l-Qorti ċaħdet l-ewwel talba ta’ Cassola fuq dan il-każ.  “Il-Qorti qalet li jien m’għandix interess għax dik hija liġi li tolqot lin-nisa u jien raġel. U allura fi kliem il-Qorti, jien m’għandnix interess li nikkontesta dik il-kawża,” spjega Cassola.  

Kien dan li wasslu biex jappela dan il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li tat appoġġ sħiħ lil Cassola, tant li saħqet li huwa għandu interess dirett, kemm bħala kandidat kif ukoll bħala ċittadin bi dritt għall-vot.  

Cassola saħaq ma’ din il-gazzetta li permezz ta’ dan l-appell, l-interpretazzjoni ta’ interess personali f’każ, ikun xi jkun, twessa’.  

Biex jagħti eżempju, Cassola spjega li jekk ikun hemm każ ta’ Għaqda mhux Governattiva (NGO) li qed tipprotesta kontra proġett li qed isir f’Ħad-Dingli quddiem il-Qorti, qabel il-każ ta’ Cassola, l-Qorti kienet tiċħad it-talba.  

Huwa saħaq li din ma kinitx qegħda tagħmel sens għax jekk għaqda tkun qed tipprotesta favur kwistjoni ambjentali, l-ambjent huwa fl-interess ta’ kulħadd.  

“Il-liġi kienet tgħid li l-NGOS ma jistgħux imorru l-Qorti jipprotestaw kontra dak il-proġett għax l-għaqda mhux minn Ħad-Dingli allura issa l-istess Qorti wessgħet l-interpretazzjoni ta’ ‘person of interest’,” spjega Cassola.  

Suppost il-vot tagħna għandu valur ugwali Arnold Cassola

‘Bis-sentenza tiegħi għandhom argument aktar qawwi biex jappellaw’ 

Legalment, kull kandidat fl-elezzjoni għandu ċans 72 siegħa biex jappella r-riżultati elettorali. Għaldaqstant Cassola jgħid li fil-każ li jkun hemm nisa li ma jaqgħux fil-lista tat-12-il kandidat u ma jkunux kandidati Laburisti jew Nazzjonalisti ikunu jistgħu jappellaw.  

“In-nisa li mhumiex mal-PN/PL, bis-saħħa tas-sentenza tiegħi għandhom argument aktar qawwi meta jagħżlu li jappellaw,” qal Cassola.  

Proprju fuq hekk iċ-Chairperson tal-Partit ADPD - The Green Party, Carmel Cacopardo b’sinerġija ma’ Cassola - li żmien ilu kien parti mill-ADPD ukoll -saħaq mal-ILLUM li l-ADPD ma taqbilx ma dan il-mekkaniżmu u jgħid li kien dan il-Partit li tkellem meta dan il-mekkaniżmu ġie mressaq.  

Ma baqa’ l-ebda triq oħra ħlief li nirrikorru għall-Qorti biex titneħħa d-diskriminazzjoni mis-sistema elettorali Carmel Cacopardo

Apparti minn hekk l-ADPD ħabbret fil-jiem li għaddew li jekk il-partit  ikollu l-appoġġ fuq livell nazzjonali imma mhux biżżejjed distrettwalment biex jeleġġi deputat, jiftaħ kawża legali biex jiżgura rappreżentanza aktar ibbilanċjata. Dan imur lil hinn mill-mekkaniżmu tal-ġeneru. 

Cacopardo saħaq li dan il-mekkaniżmu tal-ġeneru huwa ostaklu ieħor flimkien mal-mekkaniżmu dwar il-proporzjonalità. Dan il-mekkaniżmu jippermetti li jkun hemm aġġustament fid-daqs tal-Parlament, meta s-siġġijiet Parlamentari mirbuħa mill-partiti politiċi ma jikkorrispondux mal-proporzjoni tal-vot popolari li jkunu kisbu. Dan huwa kunċett li daħal fil-liġi Maltija wara l-elezzjoni tal-1981 li fiha l-Partit Laburista ġab aktar siġġijiet Parlamentari u ggverna  minkejja li ma kellux maġġoranza ta’ voti.  

Iżda rrimarka li kemm-il darba ġewwa l-Parlament ikun hemm aktar minn żewġ partiti, dan il-mekkaniżmu ma’ jitħaddimx.  

Cacopardo tenna wkoll li l-proposti tal-ADPD, “ġew injorati u allura ma baqa’ l-ebda triq oħra ħlief li nirrikorru għall-Qorti biex titneħħa d-diskriminazzjoni mis-sistema elettorali.”  

Kif jaħdem il-mekkaniżmu? Dan jgħodd għall-kandidati nisa biss?  

Għal dawk li ma jafux kif jaħdem il-mekkaniżmu tal-ġeneru, dan jaħdem b’mod sempliċi u din il-gazzetta tirrimarka li dan ma jgħoddx biss għan-nisa, iżda għall-ġeneru elett li qiegħed fil-minoranza. Bħalissa minn 178 kandidat, sitt partiti politiċi u erba’ kandidati indipendenti, 42 minnhom huma kandidati nisa. Dan ifisser li għal din l-elezzjoni ġenerali 23.6% biss huma kandidati nisa.  

Il-liġi tgħid li l-mekkaniżmu tal-kwota jiskatta biss meta wieħed mill-ġeneri jikseb inqas minn 40% tas-siġġijiet parlamentari. F’dan il-każ b’dan il-mekkaniżmu jiżdiedu sa massimu ta’ 12-il siġġu addizzjonali, iżda tal-PL u PN biss.  

More in Elezzjoni 2022