'Li tibqa' d-dar ifisser siġill ta' approvazzjoni għall-manifest tal-PN' - Robert Abela

'Għandi bżonn li tisilfuni l-fiduċja!' Abela jerġa' jappella biex nhar is-Sibt ħadd ma jibqa' d-dar. 

Mil-lum jibda' l-countdown għall-elezzjoni ġenerali u l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela appella li nhar is-Sibt hija l-ġurnata li tiddetermina l-futur tal-pajjiż. Huwa stqarr li dawk li ma jridux jivvutaw, jew għadhom inċerti li, "jekk tibqa' d-dar, dan ifisser siġill ta' approvazzjoni għall-manifest tal-Partit Nazzjonalista li jridu joħodna lura fil-passat." 

Fix-Xagħra mdawwar bl-Għawdxin Abela appella li l-PL qiegħed hemm biex jisma'. "Araw Għawdex kemm mexa 'l quddiem meta fl-2013 il-poplu Għawdxi għażel lill-PL. L-istess fiduċja li reġgħet ġiet repetuta fl-2017, ara s-suq t'għawdex kemm kiber," qal Abela. 

Fl-intervista saħaq li fl-2013, meta l-PL tela' fil-Gvern, f'Għawdex kien hemm ir-realtà li l-priorità kellha tkun li tissaħħaħ l-ekonomija u l-impjiegi. "Il-Ħidma, il-proġetti u l-investimenti infrastrutturali saru. Waqt pandemija biss ħloqna 2000 impjieg, illum għandna l-inqas rata' ta' qagħad bħal m'għandna f'Malta u għandna tkabbir ekonomiku bħal ta' Malta," kompla jgħid Abela.

Il-Prim Ministru saħaq li issa Għawdex, kif ukoll Malta, jeħtieġu prijoritajiet ġodda b'mod speċjali fis-settur ambjentali. "Bl-istess mod li saħħaħna l-ekonomija, l-investimenti infrastrutturali u s-suq tax-xogħol issa l-għan tagħna se jkun fuq il-prijorità ġdida." 

Kien hawn li fakkar numru ta' proġetti li saru fl-aħħar snin f'Għawdex. Dawn jinkludu: 

  • L-impjant ta' Reverse Osmosis li qed jagħti awto-suffiċjenza lill-Għawdex fil-produzzjoni tal-ilma u li f'ċirkustanzi ta' bżonn tkun tista' tipprovdi lil Malta bl-ilma. 
  • Il-proġett tal-waterfront u tal-Menqa f'Marsalforn.
  • It-tieni fibre-optic fil-gżira. 
  • Ċentru akkwatiku u sportiv, li x-xogħol għaddej preżentament. 
  • 11-il miljun f'investimenti infrastrutturali. 

Huwa semma mill-ġdid numru ta' proġetti li qiegħdin fis-seħħ diġà favur kwalità ta' arja aħjar f'Malta stess. Fosthom

  • Ix-shore-to-ship fil-Port il-Kbir. 
  • Il-projbizzjoni ta' bejgħ u importazzjoni tal-pastik single-use. 
  • L-EcoHive li jikkonverti l-iskart f riżorsa.

Huwa rrimarka li taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, "l-immaniġġjar, jekk tista' ssejjaħlu immanġġjar, tal-iskart kien li l-PN jiftaħ miżbla wara oħra waqt u li tittieħed art verġni biex tintuża bħala miżbla. Dak hu l-immaniġġjar tal-iskart li kellhom."

Huwa fakkar ukoll li l-Qortin f'Għawdex stess, li kienet miżbla għal 36 sena, "biddilniha fi spazju miftuħ għar-rilassament tal-familji. L-istess għamilna f'Wied Fulija, f'Wied iż-Żurrieq." 

'Dak li ksbina sa issa huwa biss il-bidu, jekk naħdmu flimkien'

Abela kkonkluda bl-istess frażi li beda biha, li l-elezzjoni tibda xejn, b'xejn u li għaldaqstant iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin m'għandhom jieħdu xejn 'forgranted'. 

"Dak li ksibna sa' issa huwa biss il-bidu jekk naħdmu flimkien. Għandi bżonn li tisilfuni l-fiduċja. Ejja nibqgħu naħdmu biex nikkonvinċu li l-manifest taħgna hu l-aqwa pjan għall-futur tal-pajjiżna. Il-futur sabiħ, il-futur f'idejkom," temm jgħid Abela.

X'inhu jippropni l-PL għal Għawdex? 

  • Għawdex ser jirċievi minimu ta’ 10% tal-fondi Ewropej sal-2027, investiment li jammonta għal €162 miljun. Dawn il-fondi ser jissarrfu f’titjib fil-kwalità tal-ħajja f’Għawdex, b’inizjattivi għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali, infrastruttura aħjar u l-qalba għall-ekonomija diġitali.
  • L-inċentivi kollha li jingħataw lin-negozji minn entitajiet tal-Gvern ikunu 10% ogħla għal negozji li joperaw minn Għawdex.
  • Jiġu estiżi skemi bħalma huma l-Gozo Employment Refund Scheme u l-Back Office Employment Refund Scheme,
  • Azjendi fil-kamp diġitali li jwaqqfu operat f’Għawdex ser jingħataw tax credit ekwivalenti għall-investiment li għamlu sa massimu ta’ €50,000. 
  • Professjonisti barranin eliġibbli għall-Highly Qualified Person Scheme u jaħdmu f’Għawdex jiġu eżentati mit-taxxa fuq l-ewwel €30,000 tad-dħul tagħhom.
  • Jittellgħu festivals tematiċi mqassmin matul is-sena kollha li jagħtu l-opportunità lill-artisti jeżebixxu l-kapaċitajiet tagħhom. Isiru wkoll kunċerti minn artisti lokali fi bnadi differenti madwar Għawdex.
  • Issir ħidma biex iċ-Ċittadella tiddaħħal fil-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO. 

More in Elezzjoni 2022