Mir-restawr tal-armar sal-meter tad-dawl; X’qed joffru l-PL u l-PN għall-organizzaturi tal-festi
Wara sentejn, fil-ġimgħat li ġejjin se jirritornaw il-festi. Ħafna qed jistennewhom imma mhuwiex kollox ward u żahar. Hemm ħafna spejjeż li żdiedu u dan meta d-dħul għall-għaqdiet tal-festi, tal-armar u l-każini tal-baned naqas drastikament. X’qed joffru l-PL u l-PN għall-festi?
minn Yendrick Cioffi
Minn għajnuna għar-restawr tal-armar sa għajnuna biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-organizzaturi tal-festi. Kemm il-Partit Laburista u anke l-Partit Nazzjonalista qed jagħmlu sensiela ta’ proposti biex jgħinu lil dawk l-għaqdiet li b’xi mod jew ieħor huma involuti direttament fl-organizzazzjoni tal-festi.
Fl-aħħar edizzjoni speċjali tal-ILLUM qabel l-Elezzjoni Ġenerali tas-26 ta’ Marzu, din il-gazzetta li issa ħadet isimha wkoll bħala l-gazzetta tal-festi, ma setgħetx ma tiddedikax paġna għal dawn il-proposti li qed isiru.
Wara nuqqas ta’ sentejn, ħafna huma ħerqana biex minn ftit ġimgħat oħra jerġgħu jibdew jiċċelebraw il-festi. Fl-10 ta’ April se jirritornaw l-ewwel purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u wara li jgħaddi l-Għid il-Kbir, minnufih se jiġu ċċelebrati l-ewwel festi tradizzjonali, partikolarment dik ta’ San Publju tal-Furjana u San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina.
Fl-aħħar xhur, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ ħafna dilettanti, għaqdiet u mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda dwar id-diffikultajiet li għaddew minnhom dawk l-entitajiet kollha li huma involuti fl-organizzazzjoni tal-festi, fl-aspetti kollha tagħhom, mill-banda sal-armar u n-nar.
Iż-żewġ partiti ewlenin għamlu l-proposti u l-wegħdiet tagħhom biex jindirizzaw dawn id-diffikultajiet u l-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti rendikont tagħhom:
X’qed joffri l-Partit Laburista għall-festi?
Il-Partit Laburista, fil-manifest elettorali tiegħu, jiddedika sezzjoni partikolari għall-festi.
Il-wiegħda ewlenija li qiegħed jagħmel il-Partit Laburista hija għajnuna biex is-soċjetajiet mużikali u anke l-għaqdiet tal-armar ikunu jistgħu jagħmlu restawr tal-armar tradizzjonali li jlibbes l-ibliet u l-irħula Maltin u l-Għawdxin fil-ġranet tal-festa.
Apparti l-għajnuna li qed joffri l-Gvern biex jixtri hu l-każini tal-banda li huma mikrija lis-soċjetajiet mużikali, biex jitneħħa darba għal dejjem ir-riskju li dawn jispiċċaw żgumbrati, il-Partit Laburista issa qiegħed iwiegħed ukoll skemi ta’ għajnuna għal għaqdiet mużikali oħra li ħadmu u għamlu sagriffiċċji kbar biex saru sidien tal-każini tagħhom.
Dawn se jkunu mgħejjuna biex ikunu jistgħu jwettqu tibdil fl-operat tagħhom jew inkella biex iwettqu xogħlijiet ta’ restawr fil-każini tagħhom.
Qed iwiegħed ukoll li flimkien mal-Għaqda Każini tal-Banda u s-soċjetajiet mużikali jitfasslu linji gwida għat-tagħlim tal-mużika. Għal dawn il-għan qed iwiegħed skemi mmirati biex jgħinu lill-għaqdiet mużikali u jinkoraġixxi aktar tfal jitgħallmu strument mużikali.
Il-Partit Laburista qed iwiegħed ukoll għajnuna biex il-festa tradizzjonali Maltija tkun inkluża wkoll fil-lista tal-UNESCO bħala Patrimonju Dinji u Wirt Kulturali Intanġibbli.
Il-Partit Nazzjonalista, fil-programm elettorali tiegħu ma jagħmel l-ebda wiegħda partikolari għall-festi. Jgħid biss li l-festi huma parti importanti mill-identità tal-Maltin u għalhekk jisħaq li għadhom ikunu protetti.
Madanakollu, meta kien qed jindirizza Mass Rally fil-Padiljun ta’ Kordin, Bernard Grech ħabbar diversi proposti li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jintrabat li jwettaq jekk ikun elett fil-Gvern biex jagħti għajnuna diretta lill-organizzaturi tal-festi u jnaqqas minn fuqhom ħafna mill-ispejjeż.
Fost oħrajn wiegħed li s-servizzi kollha li jingħataw mill-entitajiet governattivi lill-għaqdiet tal-festi jkunu b’xejn. Fost dawn semma l-permessi u s-servizzi mill-Pulizija, il-LESA, Transport Malta u anke mill-Protezzjoni Ċivili għall-preżenza ta’ vettura ta’ tifi ta’ nar f’kull ħin li jinħaraq il-logħob tan-nar.
Bernard Grech wiegħed ukoll li l-ispejjeż tal-meters tal-elettriku li jkollhom bżonn jintużaw waqt il-festi, fosthom biex jinxtegħlu t-toroq, se jibdew jitħallsu minn Heritage Malta.
L-għada, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista wiegħed ukoll li makkinarju, bħal high lifts li jintużaw biss mill-imħażen tal-armar tal-festi, waqt l-armar u żarmar, ikunu eżenti mill-ħlas tal-liċenzja li tinħareġ minn Transport Malta.
Wiegħed ukoll:
- Għotja li tvarja bejn €10,000 u €25,000 lill-imħażen tal-armar, każini tal-banda, kmamar tan-nar u klabbs tar-regatta biex isiru xogħlijiet ta’ infrastruttura jew manutenzjoni biex ikunu jistgħu jaħdmu aħjar
- Titjib tal-qafas leġiżlattiv li jirregola l-ħidma tan-nar
- Reviżjoni tar-regolamenti dwar il-ġarr u l-proċeduri kollha marbuta mal-ħruq tan-nar, inkluż simplifikazzjoni tal-proċedura tal-ħruq ta’ nar waqt il-prova
- Festival tal-logħob tan-nar darbtejn fis-sena u għajnuna lill-kmamar tan-nar biex jesportaw il-logħob tan-nar barra mill-pajjiż
- Refużjoni tal-VAT għall-kmamar tan-nar fuq l-ispiża li jkunu għamlu. Għal dawk il-postijiet fejn m’hemmx kmamar tan-nar tingħata għotja ta’ €3,000 fis-sena biex l-għaqdiet ikunu mgħejjuna fl-organizzazzjoni tal-festi tagħhom
- Każini tal-baned, kmamar tan-nar, għaqdiet ta’ armar tal-festa jew tar-regatta, ikunu klassifikati b’mod li l-obbligazzjonijiet legali ma jkunux burokratiċi, kif ukoll il-ġbir tal-flus taħt ċertu ammonti jkun issimplifikat.
- Sussidju fuq kirjiet kummerċjali eżistenti u fuq l-ispiża ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma f’postijiet li jkunu jintużaw minn għaqdiet tal-festi
- Għajnuna biex dawn l-għaqdiet ikollhom il-faċilità tagħhom, permezz ta’ ftehim dwar proprjetà tal-Gvern jew b’appoġġ finanzjarju biex jiksbu xi art jew binja eżistenti. Għajnuna wkoll biex iwettqu rinnovazzjonijiet strutturali fil-proprjetajiet tagħhom.
- Il-Pulizija terġa’ tieħu f’idejha x-xogħol ta’ għeluq ta’ toroq u clearances mill-parkeġġ ta’ vetturi fil-ġimgħa tal-festa
- Programm ta’ inċentivar biex l-imħażen tal-armar ikunu jistgħu jkopru spejjeż ta’ manutenzjoni tal-imħażen, tal-armar u xi bini ġdid tal-armar li jkun qed jieħu post dak qadim. Isiru wkoll emendi fil-liġi tal-VAT, biex l-għaqdiet ikunu jistgħu japplikaw għal refużjoni tal-VAT fil-ħlasijiet li jagħmlu fuq dawn l-ispejjeż.
- Wirjiet speċjalizzati minn Heritage Malta bl-armar tal-festi u l-Awtorità tat-Turiżmu tirreklama aktar id-dati tal-festi
- Jerġa’ jopera il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat b’waħda mill-funzjonijiet tiegħu tkun inkluża r-reġistrazzjoni tal-artiġjani li jaħdmu fl-arti reliġjuża.