
Il-Kuntratt ta’ Steward, leave tal-paternità u turiżmu aktar varjat … aktar proposti għall-Gvern li jmiss
Il-gazzetta ILLUM tkompli tħares il-proposti tal-imsieħba soċjali. X’qed tgħid il-Kamra tal-Kummerċ fuq it-turiżmu? U l-UĦM kif se tikkumbatti l-prekarjat?

21 ta' Marzu 2022 14:07
minn Anthea Cachia
minn Anthea Cachia
.png)
X’qed tipproponi l-Kamra tal-Kummerċ?
Turiżmu awtentiku u sostenibbli… Malta mhix xemx u baħar biss!
- Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li jiġi ddiżinjat mill-ġdid prodott turistiku ġdid b’enfasi fuq il-kwalità, awtentiċità, storja, sigurtà, sostenibilità u li joffri l-aħjar valur għall-flus. Jemmnu li l-esperjenza turistika f’Malta għandha tiġi ppreżentata bħala waħda unika li tikkumplimenta l-identità tagħha u mhux biss xemx u baħar.
- Il-Kamra tirrakomanda li jsiru inċentivi biex jiżviluppaw aktar tipi ta’ turiżmu differenti fosthom il-turiżmu mediku u tal-benesseri, turiżmu agrikolu, turiżmu tal-arti u niċċeċ tal-gastronomija.
- Jiġu mtejba l-iskemi tal-fondi għas-settur tal-arti. Il-Kamra temmen li dawn il-fondi għandhom ikunu magħmula biex jilħqu l-bżonnijiet tal-industrija.
- Hija qed tipproponi wkoll li għal dawn il-jottijiet li jidħlu fil-marina lokali, iħallsu rata ta’ 7% VAT fuq numru ta’ servzzi, bħalma jagħmlu l-kumpaniji tal-akkomodazzjoni. Dawn is-servizzi jinkludu dawk biex jankraw, miżati tal-aġenziji kif ukoll għall-ispejjeż ġenerali relatati mal-imbarkar.
Taxxa li ma tfixkilx lill-mara ssib impjieg wara ż-żwieġ
- Reviżjoni tal-kategorija tal-ħlas tat-taxxa ta’ koppji miżżewġa hekk kif din tkun ta’ ostaklu biex persuna waħda mill-koppja, “tradizzjonalment il-mara”, biex issib impjieg.
- Introduzzjoni ta’ inċentivi fiskali biex jinkoraġixxu nisa li diġà jaħdmu fuq bażi part-time biex jaqilbu full-time.
- Il-Kamra tal-Kummerċ tinkoraġixxi utilizzazzjoni ta’ leave aktar bilanċjat bejn iż-żewġ sessi wara t-twelid tat-tarbija/trabi.

Skola sa’ 18 bilfors! X’qed tipproponi fl-edukazzjoni?
- B’mod gradwali, l-età mandatorja tal-iskola għandha titla’ sa’ 18-il sena. “Implimentazzjoni gradwali huwa importanti biex itaffi possibilitajiet ta’ effetti negattivi fuq il-forza tax-xogħol”. Tgħid ukoll li huwa essenzjali li dawn is-sentejn addizzjonali ma jsirux estenjoni tal-iskola sekondarja iżda opportunità biex imorru fi skejjel ta’ wara s-sekondarja, inklużi dawk vokazzjonali.
- Il-Kamra qed tipproponi wkoll li jkun hemm aktar enfasi fuq l-ICT, il-matematika u l-ħiliet li jsolvu l-problemi.
Investituri barranin u enerġija nadifa … aktar investiment fl-istrateġija tal-idroġenu
- L-idroġenu bħala enerġija rinovabbli huwa mistenni li jkun kummerċjalizzat sas-sena 2030. Għaldaqstant il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi lill-Gvern li jmiss biex joffri inċentivi għal investituri barranin biex jiżviluppaw prototipi ta’ din l-enerġija.

X’qed tipproponi l-UĦM Voice of Workers ?
Lill-ġenituri li jaħdmu tuhom aktar drittijiet !
- Reviżjoni tal-paga minima.
- L-UĦM qed tipproponi li tidħol fis-seħħ id-direttiva tal-Unjoni Ewropea biex jintlaħaq aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. U għaldaqstant jiżdiedu benefiċċji bħal carers leave, paternity leave u parental leave.
- L-UĦM temmen li l-leave tal-maternità għandu jiżdied għal 26 ġimgħa b’erba’ ġimgħat minnhom jeħodhom missier it-tarbija.
- L-Unjin tisħaq li l-massimu ta’ sigħat normali tax-xogħol għal impjieg full-time għandu jkun ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa għax għad hawn ħaddiema, bħal dawk fit-trasport pubbliku li s-sigħat normali tax-xogħol huma ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa.
- Dak is-sick leave li ma jkunx qed jiġi wżat, jista’ jintuża f’każ ta’ mard serju. Apparti minn hekk is-sick leave jista’ jiġi wżat meta l-ulied ikunu morda u ż-żewġ ġenituri jaħdmu.
Le għall-prekarjat u regolamenti aktar stretti
- Il-UĦM tgħid li core-operations f’entitajiet governattivi jew privati m’għandhomx jiġu out-sourced għax dan jista’ jagħti lok għal abbuż u prekarjat.
- Tisħaq li għandha ssir reviżjoni tal-Wage Regulations Orders biex tiġi elimintata d-diskriminazzjoni filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tal-paga ugwali għal xogħol ugwali.
- Apparti minn hekk l-unjin proponiet regolamenti aktar serji dwar l-aġenziji ta’ reklutaġġ - kif ukoll twaqqif ta’ uffiċċju jew dipartiment - li jinforza u jżomm regoli ċari fuq impjegati li jiġu minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea biex jiġi evitat kull abbuż.
- Il-UĦM tisħaq li l-Ħdud għandhom jitħallsu b’rata doppja.

‘Ftehim li swielna miljuni fis-sena u ma ħadna xejn minnu’
- Fl-aħħar il-UĦM jisħaq li l-Gvern għandu jieħu lura l-isptarijiet mingħand Steward Health Care.
More in Elezzjoni 2022