Dario Vella | Min jibgħat iċ-ċekkijiet u min ma’ joffri xejn għajr inkwiet!

Bħala Partit Laburista, aħna ma rridux lill-kbir imur tajjeb askapitù taż-żgħir

Ma nkun qed ngħid xejn ġdid meta ngħid li l-invażjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna ħadet id-dinja b’xokk. Ħafna kienu dawk li ħasbu li gwerra fl-Ewropa ma kinitx possibbli fis-seklu 21, imma hawn qegħdin. 

Din il-gwerra ġabet ħafna tbatija għall-poplu Ukren, b’aktar minn żewġ miljun Ukreni jaħarbu minn djarhom biex imorru lejn art aktar sikura. Miljuni ta' oħrajn baqgħu hemmhekk sabiex jiġġieldu lil dawk li qed jinvaduhom, filwaqt li l-fabbriki Ukreni dawwru l-produzzjoni tagħhom għal prodotti li jistgħu jintużaw fil-gwerra. 

Il-komunita’ internazzjonali, m’għalqitx għajnejha għal dan l-attakk fuq l-integrità territorjali ta’ dan il-pajjiż, u għaldaqstant imponiet sanzjonijiet ħorox fuq ir-Russja. Dawn is-sanzjonijiet wasslu sabiex il-prezzijiet tal-enerġija jkomplu jisplodu, filwaqt li l-prezzijiet tal-qamħ u ċ-ċereali ukoll mistennija jgħolew minħabba li dawn tal-aħħar jiġu fornuti mill-Ukrajna. 

Madanakollu, filwaqt li popli oħrajn jinsabu qed jaraw kif ser ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet, il-Malti moħħu mistrieħ. Moħħna mistrieħ, għaliex għandna Gvern li diġa għamilha ċara daqs il-kristall li ser ikun hu li jassorbi ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dan biex ma ngħidux ukoll li l-Prim Ministru diġa għamilha ċara li ser ikun qed jgħin fir-rigward tal-qamħ u ċ-ċereali wkoll, biex niżguraw prezzijiet stabbli għaż-żmien li ġej. 

X’differenza minn Gvernijiet Nazzjonalisti tal-passat! Irrid infakkar, li fil-kriżi ekonomika preċedenti, kriżi li rrid ngħid kienet waħda veru minuri meta kkumparata mal-pandemija u mal-gwerra, dak iż-żmien il-Gvern kien tefa’ l-inkwiet u l-piż kollu fuq il-poplu. Żieda fil-kontijiet tad-dawl? U iva, mhux xorta! Iġorrha l-poplu...għax dik l-aktar triq faċli. 

Ngħiduha kif inhi, tippretendi aħjar minn dawk li sena wara sena baqgħu iżidu d-dejn? Ghal kuntrarju ta’ dan, konna aħna bħala Partit Laburista fil-Gvern li rreġistrajna surplus wara surplus, tkabbir wara tkabbir. Kien dan li wassal biex Malta mbagħad kellna biżżejjed flus u riżorsi biex ngħinu lin-negozji tagħna u liċ-ċittadini wkoll waqt il-pandemija. Ħafna analisti dak iż-żmien bassru li kienu ser jintilfu eluf t’impjiegi f’Malta. Illum madanakollu, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna hija l-anqas fl-istorja. Dan biex ma ngħidux li qed jiġi mbassar li l-ekonomija Maltija ser tikber bl-akbar rata mgħaġġla fl-Ewropa din is-sena! 

Fi kliem ieħor, fi żmien ta’ instabbiltà globali, għandna Gvern li qiegħed jiggarantixxi ċertezza lokalment. Għaldaqstant, negozji barranin li jinsabu nkwetati li l-pajjiż fejn jinsabu ser jgħolli l-kontijiet, jistgħu iħarsu lejn Malta bħala alternattiva aktar stabbli. Dan ma jfisser xejn għajr aktar investiment u aktar kompettitivita’ fis-suq...kompetittivita’ li twassal għal pagi aktar għoljin. 

Hawnhekk ma nistax ma nagħmilx referenza għall-proposta elettorali tal-Gvern Laburista li jgħolli l-paga minima, filwaqt li jibqa’ jinvesti f’aktar miżuri soċjali li jgħinu lill-batut. Huma grazzi għal dawn il-miżuri li bħala Partit aħna naraw li l-ekonomija taħdem minn isfel għal fuq, fejn iż-żgħir ikollu aktar x’jonfoq, u għaldaqstant dak l-infieq iwassal biex anke l-kbir imur minn fuq. Ara ħaddieħor...ħaddieħor irid inaqqas it-taxxa fuq dawk l-aktar sinjuri mingħajr ma jagħti xejn liż-żgħir, xi ħaġa li fl-opinjoni tiegħi mhux talli ma’ tagħmilx sens ekonomiku imma talli hija moralment ħażina wkoll. 

Bħala Partit Laburista, aħna ma rridux lill-kbir imur tajjeb askapità taż-żgħir. Anzi, aħna rridu li l-għajnuna liż-żgħir twassal biex anke l-kbir imur minn fuq, u dan ngħidu għaliex iż-żgħir hemm aktar ċans li jonfoq dak li jaqla' u li jdawwar l-ekonomija. Wara kollox, il-kbir jista’ jkun li jixtrilek diversi kapriċċi, imma jekk ikollu aktar flus milli jista’ jonfoq, dawk il-flus ħafna drabi jħallihom il-bank. Din hija preċiżament dak li ma rridux li jiġri, bħala Partit b’kuxjenza soċjali. 

L-għażla nhar is-Sibt li ġej, hija ovvja għaldaqstant.  

Fuq naħa għandna Gvern li fl-insabbiltà joffri stabbilta’, b’aktar investiment fiż-żgħir, umbagħad fuq in-naħa l-oħra għandna Partit li storikament tefa’ l-piż kollhu fuq in-nies, li issa qed jgħid li jrid inaqqas it-taxxa fuq il-kbir mingħajr ma jagħti xejn liż-żgħir. X’differenza minn Gvern li sal-ġimgħa li għaddiet stess bagħat fid-djar ta’ kull wieħed u waħda minnha ċekkijiet ta’ stimolu biex l-ekonomija tkompli tirpilja. Aħna nibgħatulek iċ-ċekkijiet, u ħaddieħor ma’ jibgħat xejn għajr inkwiet! 

More in Elezzjoni 2022