'Il-maġġoranza jidher li għadha komda bil-PL fil-Gvern... Ir-raġunijiet huma ħafna u kumplessi' - Vital Zammit

Ilna naraw distakki li jaqbżu t-30,000 vot sa mill-2009 u jekk is-sondaġġi se jkunu qrib il-likk qed inħarsu lejn possibilità ta' rebħa ta' 29,000 jew aktar għall-PL. Għaliex? Kif wara disa' snin Gvern Laburista jibqa' jimmarka tali appoġġ? Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-analista politiku u Lettur George Vital Zammit

George Vital Zammit
George Vital Zammit

Id-distakk huwa suġġett li jitqajjem ħafna drabi fil-mixja għal kwalunkwe elezzjoni ġenerali, imma b'mod speċjali f'dawn l-aħħar snin fejn il-pajjiż kien qed jesperjenza partit li dejjem jikseb maġġoranzi ta' 'l fuq minn 30,000 vot u f'każ wieħed (2019) saħansitra distakk ta' aktar minn 40,000 vot. Sa qabel l-2009, dan il-pajjiż kien imdorri jara distakki li kienu jlaħħqu l-aktar it-13,000 jew bejn wieħed u ieħor din iċ-ċifra - liema distakki inkisbu fl-1992 - favur il-Partit Nazzjonalista - u mill-ġdid fl-2003, meta l-PN rebaħ l-elezzjoni miġġielda fuq il-kwistjoni tal-isħubija fl-Unjoni Ewropea.

Għalhekk il-gazzetta ILLUM analizzat dan il-fattur flimkien mal-Lettur fid-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università ta' Malta George Vital Zammit. 

Il-kampanja għamlet differenza? U x'inhi r-raġuni għaliex id-distakki baqgħu daqstant kbar? 

'Ilna snin ma naraw kwistjonijiet li jkunu game-changers'

Vital Zammit jibda billi jgħid illi hu jħobb jibbaża ħafna mill-argument tiegħu fuq l-evidenza u qal illi l-evidenza sa issa hija s-sondaġġi diversi li qed isiru. "Jekk tħares lejn dawn is-sondaġġi - kemm tal-mediatoday kif ukoll dak ta' Marmara - ma tantx jidher li l-kampanja biddlet wisq l-affarijiet permezz tal-kampanja elettorali." 

Dan minkejja, kompla jgħid, illi jkun hemm kwistjonijiet li jdejqu xi ftit tan-nies u forsi jagħmlu dik il-ftit ta' differenza, pero' mhux li jbiddlu r-riżultat - 'game-changers'. Fil-fatt Vital Zammit jgħid li x-xenarju politiku lokali ilu sew ma jara kwistjoni li tkun game-changer. 
Imma għaliex jaħseb li dan qed iseħħ? 

Ir-risposta ta' George Vital Zammit tkun pronta, iżda jgħid illi hemm spjegazzjoni sħiħa u kumplessa għaliha: "In-nies - jew aħjar il-maġġoranza tan-nies - għadhom komdi bil-Partit Laburista fil-Gvern... u jista' jkun ukoll illi bosta jħossu li l-PN mhux lest li jiggverna." 

Ċikli elettorali ta' 10 snin

Vital Zammit sostna li jekk inħarsu lejn l-istorja politika lokali, wieħed isib illi ġeneralment iċ-ċiklu ta' partit fil-Gvern huwa ta' 10 snin. Isemmi Gvern Laburista ta' Mintoff li kellu l-appoġġ maġġoritarju mill-1971 sal-1981, lill-PN li rebaħ il-maġġoranza tal-poplu fl-1981 (imma ma kienx elett minħabba n-numru ta' siġġijiet), imbagħad żamm il-maġġoranza għal żewġ elezzjonijiet oħrajn, sakemm tilef fl-1996 - wara disa' snin fil-Gvern. Imbagħad mill-1998 sal-2008, meta kontra kull mistenni reġa' rebaħ imma bl-inqas distakk elettorali fl-istorja politika (1,500 vot). 

"Ġeneralment iċ-ċikli politiċi tagħna huma 10 snin," ikompli jgħid bl-ILLUM iżda tfakkru li aħna ninsabu fid-disa' sena ta' Gvern Laburista u xorta s-sondaġġi qed juru dak li qed juru. 

Huwa rrikonoxxa dan il-fatt u kien hawn li beda jispjega x'inhuma l-aktar fatturi kruċjali għal dan. 

'Dan il-pajjiż juri tendenzi aktar materjalistiċi, fejn ix-xogħol u l-klijenteliżmu iktar importanti mill-ambjent'

"Il-maġġoranza tan-nies iħossuhom aktar komdi bil-Partit Laburista fil-Gvern minkejja ċerti fallimenti - anke jekk affarijiet pożittivi seħħew ukoll," qal Vital Zammit. Huwa fakkar li ċerti fallimenti tal-Gvern preżenti kienu kbar u oxxeni filwaqt li seħħ assassinju ta' ġurnalista. Saħaq illi r-risposta hija kumplessa u trid tibda billi nħarsu lura lejn il-passat. 

"Hemm studji diversi fosthom dak tax-Xjenzat Politiku Ronald Ingelhart li josserva kif wara t-Tieni Gwerra Dinjija daħal b'saħħa l-importanza tal-materjaliżmu, hekk kif mit-tkissir u l-qerda ħareġ il-bżonn ta' esiġenzi materjali - dawk li bl-Ingliż jissejjħu 'bread and butter': Il-bżonn ta' xogħol, flus u ħajja twila. Imbagħad jgħid li snin wara - fis-60ijiet u s-70ijiet - bdiet l-era post-materjalista, fejn in-nies bdew aktar iħarsu lejn kwistjonijiet ambjentali, lejn karrieri - iktar milli sempliċiment xogħol. 

"Dan il-pajjiż jidher li juri aktar tendenzi materjalistiċi. Qed neqirdu l-qalba tal-ibliet tagħna. f'Għawdex qed naraw l-istess. L-Awtorità tal-Ippjanar - kif korrettement kien innotat waqt id-dibattitu tal-Kamra tal-Kummerċ saret qisha Awtorità tal-Permessi. Jidher iżda," jkompli jisħaq Vital Zammit, "li l-Maltin jagħtu aktar toqol lil kwistjonijiet bħall-garanzija ta' impjieg u l-klijenteliżmu." 

Imma l-gazzetta ILLUM tfakkru li dawn huma kwistjonijiet importanti ħafna wkoll. Għal familja bi dħul baxx jew medju - il-garanzija tax-xogħol u l-flus fil-but huma importanti ħafna. Ma jaqbilx? 

Huwa wieġeb li jifhem u li bl-ebda mod mhu jikkundanna lil min jagħti aktar toqol lil dawn il-kwistjonijiet. "Sempliċiment qed ngħid li huwa l-ħsieb prevalenti f'pajjiżna. Jekk xi ħadd jgħidlek li tista' ttella' blokka jew tibni aktar sulari, hekk tagħmel. Jew inkella żżommhom għat-tfal u għall-futur. Ħadd ma jgħid: Jekk ngħolli ħa ngħatti l-bejt ta' warajja li għandu l-pannelli jew se nkerrah." 

Vital Zammit sostna li dawn "is-sentimenti materjalistiċi" narawhom madwarna b'ħafna modi: Jekk hux id-deckchairs fil-bajjiet jew ħmieġ jew il-mod kif jintrema' ż-żibel. 

'Il-Labour assigura alleanzi ma' negozjanti kruċjali'

Huwa jgħid iżda li hemm raġuni oħra għaliex il-Partit Laburista qed igawdi minn distakki daqstant qawwijin u dan - skont Vital Zammit - huwa "ċ-ċaqlieqa kbira lejn il-Partit Laburista mid-dinja tan-negozju." 

Huwa qal illi permezz ta' attitudni u anke diskors dwar partit li huwa pro-business il-PL "assigura alleanza ma' żviluppaturi u negozji kruċjali, li forsi qabel kienu jivvutaw u jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista." 

Kompla jgħid illi ħafna negozji jekk iħossu li bil-Labour sejrin aħjar jew inkella li mal-Labour "tista' tirranġa" se jivvotaw Labour, għax dan huwa d-dħul tagħhom. 

Raġuni oħra li jġib hija l-ekonomija u jgħid illi kien hemm kisbiet ekonomiċi bħas-surplus għal sentejn - li jrid ikun rikonoxxut, anke jekk jgħid li l-bejgħ tal-passaporti - li seta' għen għal aktar dħul - "ma kienx l-aktar mod kreattiv kif ikollok finanzi tajbin. Tant hu hekk li l-UE stess qed titlob sabiex skemi simili jitwaqqfu." 

"U finalment il-Partit Laburista nemmen li bena pontijiet importanti ma' diversi setturi tas-soċjetà, fosthom il-kaċċaturi - li saħansitra qed jagħtu l-appoġġ lill-Ministru tal-Ambjent, xi ħaġa li f'Malta biss tisma'. Għandek lil persuni LGBTIQ wkoll, għandek persuni li għandhom delizzji u allura t-trakka, per eżempju. Il-Labour bena pontijiet sodi ma' ħafna nies," qal George Vital Zammit. Fuq dan il-punt temm isostni illi sakemm il-maġġoranza tal-poplu tibqa' tara jew temmen li hemm is-soluzzjonijiet fil-Partit Laburista, il-maġġoranza se tibqa' tivvota lil dan il-partit. 

'Jekk id-distakk jonqos b'mod drastiku tkun kisba għal Grech'

U finalment inħarsu lejn id-distakk. Kemm jagħmel sens li partit jappella lin-nies biex imorru jivvutaw ħalli jonqos id-distakk? U x'jaħseb li huwa distakk "san" għall-pajjiż u anke l-Partit Laburista innifsu? 

Huwa jfakkar li l-akbar maġġoranza qabel il-Partit Laburista tela' fil-Gvern, kienet dik ta' ħamsa favur il-PN. "Fl-aħħar disa' snin il-Gvern kellu disa' siġġijiet maġġoranza u biha baqa' għaddej romblu." Huwa qal li dan wieħed seta' jarah anke fil-mod kif operaw ċerti entitajiet, li per eżempju jagħmlu xogħol mingħajr il-permessi meħtieġa. 

Minn naħa l-oħra tenna li minkejja dan kollu, hemm ħafna li jħossu illi l-PN mhux lest biex jiggverna u jfakkar illi tliet kapijiet fi żmien daqstant qasir huwa wisq. 

"Jiena nemmen ukoll li l-elettorat Nazzjonalista għandu benchmarks ogħla għall-partit tiegħu."

"Biex inkunu għidna kollox, Bernard Grech ilu hemm biss sena u ftit u allura tnaqqis drastiku fid-distakk ikun kisba għalih," temm jgħid mal-ILLUM George Vital Zammit. 

More in Elezzjoni 2022