'Ejja s-Sibt nivvotaw għall-futur, l-istabbilità u ċ-ċertezza. Magħna tafu fejn qegħdin' - Abela

'Biex tiddetermina l-futur tiegħek trid titfa' l-vot int, mhux tħalli lil ħaddieħor jixħtu minflokok. U biex il-pajjiż jaqta' l-frott ta' dak li qed nipproponu tridu tivvotaw lill-Partit Laburista'

Il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela u ħdejh martu Lydia Abela
Il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela u ħdejh martu Lydia Abela

Quddiem folla ta' eluf ta' partitarji - l-akbar folla u l-aktar waħda entużjasta tal-Partit Laburista f'din il-kampanja - li kontinwament bdiet tgħajjat 'Viva l-Labour' u "olè, olè" Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal illi l-elezzjoni mhux biss tibda xejn b'xejn imma appella biex ħadd ma jafda il-futur tal-pajjiż fuq sondaġġ. "Tħallux il-futur tagħkom f'idejhom, tibqgħux id-dar. Għażlu l-1,000 proposta li rridu nbiddlu f'1,000 kisba. Proposti bla kundizzjonijiet, ħlief li tivvotaw lill-Partit Laburista. Qed jippruvaw jgħidulkom li l-vot tagħkom mhux importanti, dan mhu vera xejn. Biex tiddetermina l-futur tiegħek trid titfa' l-vot int, mhux tħalli lil ħaddieħor jixħtu minflokok. U biex il-pajjiż jaqta' l-frott ta' dak li qed nipproponu tridu tivvotaw lill-Partit Laburista."

Huwa qal li għaqda hija s-sigriet ta' kollox u qal lill-eluf quddiemu biex jistennew l-aħħar tentattivi mill-PN "biex jifirdu pajjiż." "Ejjew bil-vot nhar is-Sibt nerġgħu nuru l-ispirtu ta' tim Malta."

Huwa indirizza lill-eluf li għadhom ma jridux jivvutaw u fakkar li mal-Partit Laburista taf fejn qiegħed imma ma ħaddieħor ma tafx. "Ħeġġu lin-nies biex jiġbru l-vot, ħalli b'dak il-vot nagħżlu l-futur, l-istabbilità u ċ-ċertezza."

Abela għamel aċċenn qawwi fuq l-għaqda  diversi drabi u fakkar li hija bl-għaqda li Malta timxi 'il quddiem. Huwa qal li dan l-aħħar komplew jersqu lejn il-Partit Laburista nies li ma kinux jappoġġjawh u appella lill-minoranzi fil-pajjiż biex jerġgħu jafdaw lill-Partit Laburista, għax huwa dan il-partit li ma jħalli lil ħadd lura. 

Huwa qal illi meta sar Mexxej Laburista kellu jaħdem għall-għaqda hekk kif il-partit kien ħiereġ minn żmien diffiċli. "Imma għax fhimna li l-ideal huwa akbar mill-individwu, għax akbar minna lkoll hemm Malta, imxejna 'l quddiem" sostna l-PM u Mexxej Laburista. Huwa qal li meta mbagħad faqqgħet il-pandemija, ftit biss wara l-ħatra tiegħu, il-pajjiż kien iffaċċjat minn tbassir ekonomiku ikrah. "Ħaddieħor għotor wara erba' ġimgħat kampanja. Aħna mhux talli ma għotorniex quddiem pandemija, talli ġibna aktar investiment u ħloqna aktar xogħol."

"Inkunu l-aktar b'saħħitna meta naħdmu għall-għaqda u ma nħallux lil min jifridna, għax aħna pajjiż wieħed flimkien." 

Huwa qal li fil-mument tal-prova Gvern Laburista wera' kalma, kontroll u kompetenza. "Urejna l-kalma u determinazzjoni meta ffaċċjati bil-pandemija. Ftakru li riedu lockdown totali u li nonfqu kollox mill-ewwel, messna smajna minnhom!" qal Abela li fakkar illi l-Gvern Malti qatt ma għalaq kollox u kull deċiżjoni li ħa, ħadha wara konsultazzjoni. "U mhux talli spiċċaw il-flus, talli faqqgħet kriżi ġdida u erġajna qed noffru s-serħan il-moħħ," qal il-PM u Mexxej Laburista. 

Huwa qal li l-Partit Laburista qed iwiegħed pjan ċar u costed , filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm partit li biddel il-verżjonijiet mhux biss tal-manifest imma anke ta' wegħdi individwali, fosthom dik ta' trackless tram. "Lesti tafdawhom bil-futur ta' uliedkom hekk kif ħerġin minn pandemija u waqt li għaddejja gwerra?"

Huwa staqsa x'inhi l-prijorità tal-familji bħalissa u qal li l-ulied huma prijorita u jridu futur aħjar għalihom. Huwa elenka wegħdi tal-PL fosthom garanzija tal-ulied biex kulħadd ikollu l-istess opportunità, tnaqqis fit-taxxi b'€90 miljun li jitħallew fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin kull sena, investiment fl-ambjent permezz ta' spazji miftuħa u €700 miljun għall-ambjent.

"Minn ma jgħix għall-bidla ma għandux ikun fdat fit-tmexxija tal-pajjiż.," sostna Abela li qal illi min jaġixxi f'paniku u f'disprament politiku ma jistax ikun afdat.

 

Intant d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne wiegħed illi jekk elett mill-ġdid il-Partit Laburista jkun Gvern tal-Maltin kollha u fakkar li sentejn ilu Abela sabu spalla ma' spalla miegħu biex il-pajjiż tmexxa f'fost l-aktar żminijiet diffiċli li qatt ifaċċja l-pajjiż. "Jekk niġbdu ħabel wieħed ma hemm xejn li ma nistgħux nagħmlu. Li tmexxi pajjiż mhux ċajta, mhix hobby, jew delizzju. Trid responsabilità, serjetà, dixxiplina u ħafna xogħol u jekk tagħtuna l-fiduċja mill-Ħadd stess mmiddu jdejna għax-xogħol," qal Fearne għall-għajjat tal-eluf kbar preżenti li ħonqu t-tinda tal-MFCC. 

"Għiduli: Meta, żammejna lil Mata fuq il-wiċċ waqt pandemija konna kompetenti jew le? Meta ħadna ħsieb is-saħħa, l-impjiegi, meta tajna l-wage supplement, tajna l-vouchers, tajna inċentivi biex insalvaw l-impjiegi. Konna kompetenti jew le? Meta għamilna ċ-childcare b'xejn, meta żidna l-pensjonijiet, meta l-UE stess qaltilna li se jkollna l-akbar rata ta' tkabbir fl-UE, meta żammejna partit magħqud u żammejna pajjiż magħqud, konna kompetenti jew le? U jekk ir-risposta tagħkom hija 'iva', mela tuna l-fiduċja ħalli nkompli mmexxu lil dan il-pajjiż."

Huwa qal li huwa kburi li Malta fiċ-ċokon tagħha għinet lill-Ukreni, inkluż tifla li qed tieħu l-kura tal-kanċer f'pajjiżna. "X'ma nkunux kburin li aħna Maltin? Il-qalb kbira tagħna tagħmlilna unur."

Huwa ħeġġeġ lil dawk kollha ta' rieda tajba biex jagħtu l-fiduċja lill-Partit Laburista biex jitkompla s-suċċess ta' pajjiżna. 

More in Elezzjoni 2022