ADPD lest jikkontesta fil-Qorti Kostituzzjonali biex jassigura li kull vot għall-partit jissarraf b’mod sħiħ
ADPD minn quddiem Kastilja jisħqu li vot għal ADPD jfisser 'vot għal bidla mill-qiegħ fil-mod li ssir il-politika f’pajjiżna'
minn Marianna Calleja
Miġbura fuq it-taraġ ta' Kastilja l-Ħadd wara nofsinhar, iċ-Chairperson tal-ADPD, Carmel Cacopardo flimkien ma' kandidati tal-partit sostna li "Malta ttieklet minn ġewwa minħabba l-korruzzjoni u l-krimininalità organizzata." Huwa għalhekk li skont hu "vot għal ADPD huwa vot għal bidla mill-qiegħ fil-mod li ssir il-politika f’pajjiżna."
Fid-dawl ta' dan ADPD ħa d-deċiżjoni li din l-elezzjoni jassigura li kull vot għall-ADPD jissarraf b’mod sħiħ billi wara li "l-votanti jagħmlu xogħolhom nhar is-Sibt, fejn hu meħtieġ, u jekk ikunu applikati regoli diskriminatorji" fil-konfront ta' ADPD, l-Partit tal-Ħodor lest jikkontesta fil-fora kostituzzjonali.
"Ġaladarba l-Parlament għoġbu jimponi regoli diskriminatorji intenzjonati biex jaġevolaw esklussivament lill-PLPN dan hu l-unika rimedju li baqa’. Fi ħsiebna nużawh. Biex nassiguraw li kull vot jgħodd, u mhux biss il-voti tal-PLPN," temm jgħid Cacopardo.
Huwa wiegħed li Membri Parlamentari eletti f’isem l-ADPD jaħdmu sabiex f’Malta tibda tissaħħah is-saltna tad-dritt u tinbidel il-kultura li tippremja l-Mafja. Cacopardo li se jkun qed joħroġ f'isem il-Partit tal-Ħodor fir-raba' u fid-disa' distrett qal li f’Malta, il-poter politiku u dak tan-negozju huma qrib wisq ta' xulxin.
Sostna li l-istituzzjonijiet fil-pajjiż huma dgħajfa u mhux effettivi. "Huma ukoll maħkuma mid-duopolju PLPN li tul is-snin għamlu kemm setgħu biex joħonqu kull vuċi li tieqfilhom jew li għandha l-potenzjal li tieqfilhom," kompla Cacopardo.
Żied jgħid li l-kawża ta' dan kollu hi s-sistema elettorali li tostakola rappresentanza parlamentari lil hinn minn żewġ partiti. Iddeskriva s-sistema elettorali bħala diskriminatorja u li tfittex il-kontroll u mhux ir-rappreżentanza xierqa. "Sistema elettorali li tfittex li toħnoq ilħna bħal tagħna," qal iċ-Chairperson ta' ADPD.
'Il-kultura ta’ impunità f’pajjiżna kellha l-barka ta’ Kastilja'
Intant, tkellem ukoll Brian Decelis, l-Uffiċjal tal-Midja fi ħdan il-Partit tal-Ħodor u kandidat fuq it-tilet u r-raba' partit. Huwa indirizza ir-rapport tal-inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li dan ir-rapport ikkonferma dak li konna ilna nafu, illi "l-kultura ta’ impunità f’pajjiżna kellha l-barka ta’ Kastilja."
Huwa sostna li l-poplu hu diġà konxju mir-rabta mill-qrib bejn xi negozjanti u politiċi, liema rabta xxekkel bil-kbir il-governanza f’pajjiżna, u li skont hu ħammret wiċċ pajjiżna internazzjonalment ukoll. "In-nuqqas ta’ azzjoni u riformi meħtieġa ġew injorati mill-partiti fil-Gvern fuq medda t’għexieren ta’ snin," qal Decelis.
Iktar dwar dan, Decelis qal li l-ADPD se jkompli jesiġi li r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia jiġu implimentati kollha għax "hemm bżonn li dak li kkawża din it-traġedja jinqered bl-għeruq u x-xniexel." Huwa appella lil votanti kollha biex bis-saħħa tal-vot tagħhom jibgħatu messaġġ ċar. “Bil-vot tiegħek tista’ toffri lil dan il-pajjiż futur isbaħ, iktar nadif u aħdar... qabel ma jkun tard wisq!” temm Decelis.