Is-sondaġġi kollha juru li Abela huwa l-akbar vantaġġ li għandu l-PL imma eluf għadhom 'indeċiżi'

Ħarsa lejn it-tliet sondaġġi - fuq il-Maltatoday, The Sunday Times u ieħor fuq it-Torċa li ftit jagħtu tama għall-PN u Bernard Grech

Il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela
Il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela

Hekk kif l-elezzjoni tinsab verament fil-qrib, tliet sondaġġi li juru lill-Partit Laburista fuq quddiem u sew u lil Robert Abela ħafna iktar fdat minn Bernard Grech. Is-sit illum.com.mt ta ħarsa ħafifa lejn is-sondaġġi ppubblikati llum fuq The Sunday Times, il-Maltatoday u anke dak tal-istatistiku Vince Marmara. 

Il-Partit Laburista jibqa' b'saħħtu ħafna b'distakki li jvarjaw minn 29,000 u 38,000 vot

Huwa ċar illi l-Partit Laburista dieħel għal din l-elezzjoni b'saħħa kbira, minkejja li ilu fil-Gvern disa' snin u minkejja li issa ilu jikseb distakki ta' 'l fuq minn 30,000 vot għal dawn l-aħħar 13-il sena. 

Is-sondaġġ tal-Maltatoday juri distakk ta' 29,000 vot li fil-fatt huwa l-ogħla distakk f'din il-kampanja għall-Partit Laburista f'dan is-sondaġġ partikolari. Ħarsa iktar profonda lejn dan is-sondaġġ turi illi fil-fatt iż-żewġ partiti għandhom fejn jikbru bil-Partit Laburista jikseb l-appoġġ ta' 38% u l-PN ta' 30%. Il-bqija jinqasmu b'20.5% li qed jgħidu illi għadhom ma jafux kif se jivvutaw. Dan jammonta għal madwar 70,000 vot - li ġeneralment imbagħad jinqasmu bejn iż-żewġ partiti, ftit imorru għand il-partiti żgħar u ftit minnhom ikunu astensjonijiet ukoll.

I-Partit Laburista qed iżomm 75% tal-voti tiegħu tal-2017, filwaqt li l-PN iżomm 71%, Dan ifisser li l-PL qed iżomm 128,232 vot mill-170,976 li vvutawlu fl-aħħar elezzjoni ġenerali filwaqt li l-PN iżomm 93,344 mill-135,696 vot li kellu fl-2017. 

Fost il-votanti ġodda l-partiti qegħdin qrib xulxin bil-Labour ikollu vantaġġ ta' 2%, għalkemm hawnhekk 40% jibqgħu indeċiżi. 

F'dak ta' Marmara d-distakk huwa ta' 12.6% li huwa stabbli u viċin ir-riżultati kollha tas-sondaġġi ta' Marmara. Il-Partit Laburista jikseb 55.6% tal-appoġġ u jpoġġi lill-PL f'vantaġġ ta' 38,000 vot. 

F'dan is-sondaġġ ir-rata ta' kemm iżommu vontanti tal-2017 il-partiti huwa ikbar b'83.5% ta' dawk li vvotaw lil Labour fl-2017 jagħmlu l-istess illum, 1.7% jivvutaw lill-PN u 10% ma jafux kif jivvutaw. Kważi 4% qalu li ma jivvotawx. Il-PN minn naħa l-oħra - anke f'dan is-sondaġġ  - iżomm inqas nies li vvotawlu fl-2017, mill-PL, b'74.5%, imma għandu aktar nies indeċiżi b'15.2% u 4.5% jgħidu li ma jivvotawx.

Dak ta' The Sunday Times jagħti lil-Labour vantaġġ ta 55.1% b'distakk ta' 37,000 vot - biex għat-tieni darba huwa qrib ħafna dak ta' Marmara. 

Abela: Labour's Best Asset!

Ħaġa waħda hija ċerta fis-sondaġġi kollha li kienu ppubblikati illum: Robert Abela huwa l-akbar vantaġġ li għandu l-Partit Laburista kif kien Joseph Muscat u kif kien ukoll Lawrence Gonzi fl-2008, meta minkejja li kienet prevista rebħa żgħira Laburista b'distakk inqas minn 5,000 vot il-persuna ta' Gonzi u l-fiduċja li n-nies kellhom fih żammet lill-PN fil-Gvern. 

Minkejja li 38% qalu li jivvutaw Labour, is-sondaġġ tal-Maltatoday juri li Abela huwa fdat minn 43.8%, filwaqt li l-Kap tal-PN Bernard Grech huwa fdat minn 30.6% - li huwa daqs kemm hemm nies qed jgħidu li se jivvotaw PN. Apparti li juri distakk ta' 13% fil-fiduċja (45,500 persuna jafdaw aktar lil Abela milli lil Grech) dan juri wkoll li l-Partit Laburista għandu potenzjal ħafna ikbar biex iżid fil-voti milli l-PN ibbażat fuq il-fiduċja f'Abela. 

L-akbar saħħa ta' Abela hija ż-żona tan-nofsinhar tal-Port (Kottonera, Ħaż-Żabbar, Xgħajra, Fgura, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Santa Luċija etc...) fejn 58.3%  jafdaw lil Abela u huma biss 25% li jafdaw lil Grech. Dan huwa kkonfermat fuq is-sondaġġ ta' The Sunday Times li jimmarka appoġġ ta' 73.2% għal Abela f'din iż-żona. Il-PL u Abela huma b'saħħithom ħafna wkoll fix-xlokk tal-pajjiż li jinkludi liż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk. Birżebbuġa, Żurrieq, Imqabba, Qrendi, Ħal Kirkop u Gudja, fost oħrajn bis-sondaġġ tal-MT juri lil Abela fdat minn 57.3% u lil Bernard Grech fdat biss minn 16%

Abela u Grech jiġu qrib ħafna f'żewġ żoni tal-pajjiż, fil-Punent (Rabat, Ħ'Attard, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Balzan, Iklin, Ħal Lija...) fejn Abela huwa fdat marġinalment aktar b'35.9%. Grech huwa fdat minn 35.5%. Fit-Tramuntana tal-Port li jinkludi lil Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi, San Ġwann u jibqa' sejjer sa Birkirkara u Ħal Qormi Grech huwa fdat marġinalment aktar b'38.7% (Abela: 38%). 

L-uniku reġjun fejn Grech jgħaddi lil Abela fil-fiduċja b'aktar minn 1% huwa fit-Tramuntana li jinkludi lill-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Naxxar u Mosta. Hawnhekk 35.6% jafdaw lil Grech u 33.4% lil Abela. 

L-Għawdxin jafdaw lil Robert Abela (44.7%) ħafna iktar milli jafdaw lil Grech (28.2%), anke jekk fis-sondaġġ ta' The Times Għawdex huwa l-unika reġjun fejn maġġoranza relattiva ta' 43% jħossu li wasal iż-żmien li jinbidel il-Gvern. 

Minkejja dan 60% qed jgħidu li mhux żmien li jinbidel il-Gvern, bil-persentaġġ ilaħħaq is-70% fin-nofsinhar tal-Port. 

Finalment, mistoqsijin min jaħsbu li huwa l-aħjar biex imexxi lill-pajjiż is-sondaġġ ta' Vince Marmara juri li 52.9% iwieġbu Robert Abela u 32.2% iwieġbu Grech, differenza ta' 20.7%.

More in Elezzjoni 2022