Hekk kif qam l-ispettru ta' laqgħat bejn il-PM Robert Abela u l-iżviluppatur Joe Portelli f'intervista li se tidher għada fuq il-gazzetta ILLUM is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ma setax jiċħad li l-PN ħa xi donazzjonijiet mingħand l-istess Portelli.
Ħarġu rapport li l-PM kien il-mistieden ta’ Portelli lejliet li l-PL ġabar il-flus waqt maratona. Il-PN qed jistaqsi jekk b’xi mod ġiex diskuss il-proġett kontroversjali f’Ta’ Sannat, li warajh hemm l-istess Portelli u li ġie approvat ftit tal-jiem ilu.
L-ILLUM staqsiet direttament lil Michael Piccinino jekk jiċħadx kategorikament li fl-aħħar snin il-PN irċieva donazzjonijiet mingħand Joseph Portelli. Piccinino qal li ma jidhirlux li dan huwa l-każ imma insista li kellu jikkonferma u jerġa’ jkellimna. L-ILLUM fakkritu biex jagħmel dan, imma sakemm morna għall-pubblikazzjoni ma rċevejnix it-tweġiba.
“Jekk ta donazzjoni lill-Partit Laburista u mxew skont il-liġi ma hemm xejn ħażin. Ħażin jekk kien hemm xi laqgħa mal-Prim Ministru li matulha ġie diskuss dan il-proġett u jekk kien hemm xi forma ta’ influwenza,” insista Piccinino.
L-intervista kollha li titratta diversi temi se tkun ippubblikata għada fil-Ħarġa tal-gazzetta ILLUM - li se jkun fiha madwar 30 paġna ta' intervisti, rappurtaġġ u opinjonijiet dwar l-elezzjoni tal-2022.