Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela li minn informazzjoni li qal illi waslitlu, dan kellu xi forma ta' relazzjoni mal-aħwa tal-Maksar, li tagħhom fil-fatt huwa kien l-avukat bejn l-2008 u l-2012. Cassola qal illi biex jivverifika din l-informazzjoni kiteb lil Robert Abela nhar it-13 ta' Frar iżda sostna li l-Prim Ministru baqa' jinjorah u allura ma kellu ebda triq ħlief li jitkellem dwar il-mistoqsijiet li għamel lil Abela.
"Fil-5 ta’ Marzu appellajt lill-Ministru Owen Bonnici live fuq Radio 103 Malta's Heart biex jitlob lill-Prim Ministru Abela jweġibni, iżda Robert Abela injorani," reġa' sostna Cassola fil-konferenza li organizza s-Sibt waranofsinhar quddiem Kastilja.
Finalment Cassola qal li nhar it-12 ta’ Marzu reġa' bagħat lil Robert Abela l-aħħar tfakkira u fiha sostna li jekk ma jweġbux se jagħmel pubblika l-mistoqsija tiegħu lilu. "Robert Abela injorani għar-raba’ darba."
Ilbieraħ stess fi stqarrija l-Partit Labrista sostna li dak li tkellem dwaru Arnold Cassola diġa' kien miċħud mill-Prim Ministru "pubblikament u b'mod mill-aktar kategoriku f'konferenza tal-aħbarijiet. Din iċ-ċaħda saret ġimgħat ilu u għalhekk Arnold Cassola kien jaf li qed jitkellem fuq gidba."
Fil-fatt Abela kien qed iwieġeb mistoqsija tal-ġurnalista ta' Newsbook - waqt konferenza tal-Partit Laburista - meta ċaħad li qatt kellu xi xogħol jew inkella qatt kien hemm xi ftehim jew negozju bejnu u l-aħwa tal-Maksar.
Fl-ittra li Cassola kien bagħat lill-Prim Ministru Abela huwa kien staqsa jekk kienx involut fil-bejgħ ta' buq ta' dgħajsa partikolari tal-Maksar.
Imbagħad Cassola reġa' wieġeb lill-Partit Laburista u staqsa lil Robert Abela jekk belax ilsienu u għaliex ma rrispondihx mill-ewwel.
"Tal-mistħija... mur ibki għand missierek issa u għidlu jitkiblek press release aħjar.'