Kandidat wieħed tal-PL u kważi l-kandidati kollha tal-PN u l-ADPD jopponu l-pjanijiet ta' flyover fl-Imrieħel

Żona agrikola fl-Imrieħel bħalissa tinsab mhedda mill-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta li twessa’ t-triq billi tieħu art agrikola li hija ekwivalenti għad-daqs ta’ tliet grawnds tal-futbol.

Ħafna mill-kandidati Laburisti fuq is-sitt distrett injoraw il-mistoqsija tar-residenti ta’ Ħal Qormi -  immexxija mill-Moviment Graffitti - dwar proġett kontroversjali ta’ twessigħ tat-triq fl-Imrieħel. Fil-fatt kien kandidat wieħed biss Laburista li wieġeb u qal li ma jaqbilx ma tali proġett. Dan kien Sean Apap Meli, li fil-fatt huwa wkoll kunsiller f'din lokalità. 

Ir-residenti Ħal Qormi staqsew lill-kandidati elettorali kollha fis-sitt distrett ukoll jekk jappoġġjawx il-pjani alternattivi tal-Kunsill Lokali li jsalva l-art fl-inħawi.

Żona agrikola fl-Imrieħel bħalissa tinsab mhedda mill-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta li twessa’ t-triq billi tieħu art agrikola li hija ekwivalenti għad-daqs ta’ tliet grawnds tal-futbol. Il-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta se jeqirdu ġibjun enormi tal-ilma, jinqalgħu siġar li għandhom mijiet ta’ snin u jeqirdu art tal-biedja li ilha fl-istess familji għal ġenerazzjonijiet.

Infrastructure Malta kienet bdiet dawn il-pjanijiet bil-moħbi, bil-bdiewa jsiru jafu biss bil-pjanijiet wara li rċevew notifika tgħid li “se tiġi irranġata ż-żona”. Wara li ltaqa’ ma’ Infrastructure Malta, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kien approva b’mod unanimu riżoluzzjoni li tħeġġeġ lil Infrastructure Malta biex twaqqaf il-pjanijiet tagħha u minflok approvat alternattiva. Il-pjanijiet tal-Kunsill Lokali ma jieħdu ebda art agrikola u jissalvagwardjaw wieħed mill-aħħar pulmuni ħodor fiż-żona. Fil-fatt, il-Kunsill ippropona underpass b’erba’ karreġġjati li jneħħi l-possibbiltà ta’ kull esproprjazzjoni tal-art. 

Apparti Apap Meli, esprimew ruħhom kontra dan il-proġett il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Ryan Callus, Jerome Caruana Cilia, Alessia Psaila Zammit u Frederick Aquilina wkoll. Il-kandidata tal-ADPD Sandra Gauci qalet ukoll li taqbel li art agrikola fiż-żona tkun salvata u allura esprimiet ruħha kontra dan il-proġett ukoll. 

Ir-residenti ta’ Ħal Qormi qalu li huma ddiżappuntati bin-nuqqas ta’ rispons minn diversi kandidati tal-Partit Laburista, fosthom Ministri u Membri Parlamentari.

Veterani fil-Partit Laburista bħall-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca u l-MEP u l-eks Mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant opponew ukoll dan il-proġett.

Kandidati li appoġġjaw il-proposta tal-Kunsill Lokali:
· Sean Apap Meli - PL
· Ryan Callus - PN
· Jerome Caruana Cilia - PN
· Alessia Psaila Zammit - PN
· Frederick Aquilina – PN
· Sandra Gauci – ADPD

Ebda risposta:
· Francine Farrugia- PN
· Ian Borg - PL
· Roderick Galdes - PL
· Rosianne Cutajar - PL
· Silvio Schembri - PL
· Malcolm Paul Agius Galea - PL
· Joseph Cutajar – PL
· Omar Farrugia – PL
· Fiona Borg – PL
· Katya De Giovanni – PL

More in Elezzjoni 2022