Saviour Balzan | Jiddettaw il-partiti u jistupraw lill-pajjiż

Imma l-iktar ħaġa importanti li jrid jiftakar Joseph, u forsi dan jafu, huwa li iktar ma jiftaħ ħalqu iktar ser ikun hemm Laburisti li mhux ser jivvutaw fl-elezzjoni li ġejja.  Mhux ser jivvutaw għall-PN, imma mhux ser jivvutaw għall-Labour

Joe Portelli
Joe Portelli

L-iktar industrija jew negozju jew negozjanti li għandu jew li għandhom l-influwenza ġewwa pajjiżna hija dik tal-bini jew il-kostruzzjoni.  Bħal kaċċaturi u n-nassaba jaħsbu li ħadd ma jista’ għalihom u mhux hekk biss, jemmnu li alla ħalaq l-art biex huma jkunu jistuprawha u litteralment jabbużawha.  

U mill-kbir għaż-żgħir, kollha għandhom il-mentalità li mhux biss jagħmlu li jridu imma jekk jistgħu ma jurux x’qed jaqilgħu u ma jħallsux sold f'taxxa mġiddma.  Ejja nkunu sinciera, qatt iltqajt ma’ wieħed minnhom ma tax żewġ prezzijiet, wieħed bil-VAT u l-oħra mingħajr?

Tagħrafhom iż-żgħar l-iktar b’xi vann Toyota, l-kbir b’xi mercedes SUV jew abjad jew iswed.  Il-mara tgħidli li jien għandi l-qagħda ta’ kuntrattur, jista jkun b’żaqqi kbira, ilsien laxk kemm trid, nervuż u manjieri xejn sbieħ.  

Veru, imma jibqa' l-fatt li ma nibnix kaxxi ta’ apartamenti, ma nipprovax nixtri artijiet li kienu verġni u ma nixtrix lill-politiċi biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet marbuta mal-permessi. U lanqas ma nbiddel il-policies biex inkunu nistgħu nkomplu nbiddlu dan il-pajjiż f’mandra aktar milli diġà hu!

Jien xbajt nisma l-argument, kull darba li tqajjem mistoqsija dwar żvilupp oxxen fil-kampanja: “Heqq, din saret minħabba l-local plans li għamel George Pullicino.”  

Ħaqq dik l-isponsuna, qed nitkellmu fuq 16 il-sena ilu! Minn dak iż-żmien stajna nbiddlu l-policies darba, tlett darbiet u għaxar darbiet. Jekk hemm skuża tajba għalfejn ma sarux tibidiliet, l-iskuża hi waħda sempliċi.  Il-kuntratturi xtrawna, ġabuna skjavi tagħhom, ġabuna paljazzi tagħhom, ġabuna merċenarji tagħhom.  

Hu għalhekk li meta nisma' bi proposti ambjentali ... neħodhom, kif għandi neħodhom, biċ-ċajt.

Meta nara Gvern u partit politiku jieqaf lin-nies bħal Joe Portelli (per eżempju) imbgħad u imbgħad biss, nibda nieħu lill-partiti bis-serjetà.

Kull tant żmien, Joseph Muscat...

Mela kull tant żmien Joseph Muscat jgħid xi ħaġa fuq facebook.  Jiena bħal ma kien jaf kulħadd kont ammiratur kbir ta’ Joseph u minkejja dak li qalu xi wħud ħriġt għonqi għalih meta kien hemm bżonn, qabel ma sar mexxej tal-PL u meta sar Prim Ministru.  U mhux ftit. Imma meta fl-2019 smajna dak li smajna, u jiena sirt naf dak li naf, qattajt il-karti minn miegħu.  Għamilt iljieli twal nistaqi lili nnifsi, imma kif jista jkun.  

Ħassejt vojt kbir, qisu mietli xi ħadd viċin tiegħi, qisu xi ħadd kien ittradini.  Ma kontx sew.  U fuq medda ta’ sentejn ma nafx kemm smajt botti mingħand Joseph jew nies viċin tiegħu dwar il-mod kif skont hu ttradejtu.

“Alla hej,” kont ngħid. U imbgħad fakkart dak li hu, meta u kif kont iddefendejtu.  Ikolli ngħid ifferoċċjajt u għarraft kemm kont idjota.  Għax meta tagħlaq sittin sena u tħares lura u tinduna li inti bis-suppost intelliġenza kollha għaddewk minn għajn il-labra, issir xettiku ħafna.

Hu għalhekk li meta ilbieraħ fuq facebook ftaħar fuq il-gradwati l-ġodda ta’ Barts, għedt dan orrajt jew!  Wara l-bawxata ta’ Vitals, għandu l-wiċċ jitkellem.  U fuq l-miljuni li serqu Vitals u dawk il-con men li kellhom trattament speċjali minn Kastilja fuq dan ma qal xejn!

Imma l-iktar ħaġa importanti li jrid jiftakar Joseph, u forsi dan jafu, huwa li iktar ma jiftaħ ħalqu iktar ser ikun hemm Laburisti li mhux ser jivvutaw fl-elezzjoni li ġejja.  Mhux ser jivvutaw għall-PN, imma mhux ser jivvutaw għall-Labour, minħabba d-diżappunt kbir ta’ Joseph. Iktar kemm Joseph joħroġ għan-nofs iktar se jfakkarhom f’dan id-diżappunt.

Għax wara li fdawh bil-vot, mhux biss besqilhom fis-sunnara, imma kompla jiddandan fil-pubbliku qisu ma ġara xejn.  U dik, tfakkarhom kemm kienu idjoti u boloh!

Tislima lil Mario Azzopardi (Il-Mulej)

Mario Azzopardi il-Mulej kien jikteb għal din il-gazzetta, opinjoni twila kull ġimgħa sakemm waqaf jikteb għax ma kienx jiflah.  Kien persuna li f’soċjetà oħra kien jiġi deskritt bħala ħassieb.  Persuna li kellu kultura profonda li qatt ma setgħet tiġi simplifikata u ħafna drabi wisq kumplessa għal ħafna Maltin.  L-aħħar darba li ltqajt miegħu, kont għaddej minn sitwazzjoni diffiċli f’ħajti.  

Iltqajna fl-appartament ta’ ħabib fuq xi bibita u niftakar argument sħun fuq il-Palestina minn lettur Universitarju pro-Iżrael u dakinhar il-ġurnalista Karl Schembri pro-Palestinjan.  Evitajt li nidħol fl-argument u poġġejt hdejn Mario u għedltu: “Nibda naqta' qalbi meta tisma' suppost nies intelliġenti jitkellmu mit-toqba ta’ sormhom.”    Naf li daħakha u qalli biex ma nirrabjax iżżejjed u imbgħad staqsieni kif inti, u kif intom sejrin fil-gazzetta.  

Nsellimlek Mario, saħħiet!

More in Elezzjoni 2022