'Tkunux kompliċi tal-PLPN fil-lagħqiżmu tagħhom tal-FKNK' - ADPD

Fi stqarrija l-ADPD jgħid li 'dan kollu qed isir biex l-PLPN jilgħaqu kemm jifilhu l-lobby arroganti tal-kaċċaturi u n-nassaba, li jaħsbu lid-dinja ddur magħhom'

Il-Partit ADPD - Il-Partit tal-Ħodor qed jappoġġja s-sejħa ta' BirdLife għal referendum dwar il-kaċċa filwaqt li għamluha ċara li l-ADPD tibqa’ b’mod ċar kontra kull kaċċa fir-rebbiegħa.

Fi stqarrija ċ-Chairperson ta’ ADPD u kandidat fuq ir-raba' u d-disa' distrett Carmel Cacopardo sostna illi l-Partit Nazzjonalista għandu storja twila ta’ qerda ambjentali, kemm fil-qasam tal-użu tal-art, tal-ippjanar u anke fejn tidħol il-prattika insostenibbli tal-kaċċa u l-insib. Minkejja dan il-Partit Laburista ukoll għandu storja twila ta’ "ħniżrijiet ambjentali meta lanqas huma stess ma jafu d-definizzjoni vera u eżatta tal-kelma," skont Cacopardo. "It-tnejn fis-sodda mal-ispekulaturi u l-barunijiet tal-bini, it-tnejn fis-sodda mal-FKNK." tenna ċ-Chairperson ta' ADPD.

Fl-istqarrija tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-ADPD u kandidat fuq is-seba' u 11-il distrett, Ralph Cassar. Huwa stqarr li mill-istejjer u r-rappurtaġġ tal-kampanja elettorali fil-ġurnali huwa ċar li "l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huma għal darboħra magħqudin kontra l-interessi vera tal-poplu Malti, tal-bijodiversità tagħna, u tal-kampanja u tal-bdiewa tagħna biex jingħoġbu ma dawk li l-aktar li jagħmlu storbju."

Insista li l-PL u l-PN ma jafux xi tkun il-mistħija u qed jħammrulna wiċċna mal-Unjoni Ewropea kollha, "dan kollu biex jilgħaqu kemm jifilhu l-lobby arroganti tal-kaċċaturi u n-nassaba, li jaħsbu lid-dinja ddur magħhom."

More in Elezzjoni 2022