
Sa' €50,000 għal kumpaniji li jaqilbu l-vetturi tagħhom għal dawk elettriċi
'Aħna qatt ma għexna taħt il-kumdità tal-istatus quo' - il-PM Abela

More in Elezzjoni 2022
'Aħna qatt ma għexna taħt il-kumdità tal-istatus quo' - il-PM Abela
Fl-ewwel attività politika tal-lejl fl-Imsida, il-Prim Ministru f'diskussjoni dwar in-newtralità tal-klima, fakkar li waħda mill-proposti tal-PL hija li jekk jingħata l-fiduċja il-Gvern se jkun qiegħed ikopri 50% tal-ispiża, sa' massimu ta' €50,000, għall-dawk il-kumpaniji li jbiddlu l-vetturi tagħhom għal dawk elettriċi. Dan apparti li għall-bqijja tal-ispiża li tħallas il-kumpanija, permezz tal-Malta Development Bank, ikunu jistgħu jieħdu self bla imgħaxx.
Bl-istess tema favur ambjent aħjar, il-Prim Ministru fakkar uħud mill-proġetti li għamel il-Gvern fosthom dak tal-ECOHive li jibdel l-iskart f'riżorsa. Kif ukoll il-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-plastik single-use u issa l-projbizzjoni ta' bejgħ tagħhom. Dan apparti numru ta' inizjattivi oħra fosthom l-inċentivi għal xiri ta' vetturi elettriċi.
Huwa stqarr ukoll li l-Partit Laburista għandu miri ambizzjużi għall-Għawdex li, "tiġi newtrali fil-klima qabel Malta. U nistgħu naslu għaliha billi Għawdex tiġġenera l-bżonnijiet elettriċi minn sorsi rinovabbli fosthom il-pannelli u l-wind power."
Abela qal li, "jekk ma jkollokx ekonomija b'saħħitha inutli li ngħid li se nagħmel l-EcoHive ta' €500 miljun għax id-domanda tkun, 'il-fondi minn fejn ġejjin?" Kien hawn li fakkar li pajjiżna f'Lulju tal-2020 ġabet l-akbar pakkett ta' fondi ewropej
B' referenza għall-Partit Nazzjonalisa qal li pajjiżna ġab dan il-pakket, "minkejja li qalulna li mhux se nġibhu daqshom, veru għax ġibna aktar mid-doppju."
Intant fakkar ukoll li meta ġiet L-President tal-Kummisjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li Malta kellha l-aktar pjan ambjentali ambizzjuż mill-istati membri kollha. "Minkejja li l-Oppożizzjoni kienet qaltilna li ma nafux x'aħna nagħmlu. Iżda aħna noqgħodu fuq li tgħidilna l-Kummissjoni."
'Dan hu dak li jiddistingwina mill-Oppozzjoni'
Mistoqsi jekk ir-riformi li diġà għamel Gvern Laburista fil-passat kif ukoll oħrajn li qed jipproponi hux se jkunu fl-ordni tal-ġurnata, huwa wieġeb, "iva ċara. Dan hu moviment li jgħix għall-bidliet u r-riformi u kburi li din hija kwalità oħra li tiddistingwina mill-Oppożizzjoni. Aħna qatt ma għexna taħt il-kumdita tal-istatus quo. Faċli tagħlaq għajnejk u ddawwar wiċċek għat-tbatijiet tan-nies."
Huwa kompla jgħid li l-bildiet u r-riformi iridu jsiru għal kull settur minoritarju.
"Jien ma rridx li minoranzi f'pajjiżna jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom. Jien irrid nara setturi minoritarji li jkunu f'pożizzjoni ta' tmexxija, fil-ħajja pubblika, fl-ogħla karigi tal-pajjiżi. Dik il-ġlieda aħna rridu nagħmluha biex niġġieldu kull forma ta' inugwaljanza," temm jgħid Robert Abela.