'Aħna lill-pulizija ħallasnilhom l-overtime li l-PN ma ħallasx, iffirmajna ftehim kollettiv u se niffirmaw ieħor'

Il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela jfakkar li taħt dan il-Gvern iffirma ftehim għall-Forzi Armati ta' Malta u anke għall-ħaddiema tal-Ħabs

Robert Abela
Robert Abela

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna illi Gvern Laburista qed jagħti appoġġ lill-forzi tal-ordni u qed iwiegħed li se jkompli jagħmel dan u sostna li l-esperjenza tal-istess Gvern preżenti hija xhieda ta' dan. "Ħaddieħor lill-Pulizija ma ħallashomx tal-Overtime, aħna mhux talli ħallasnihom talli iffirmajna ftehim kollettiv u fiż-żmien li ġej se niffirmaw ieħor," sostna Abela, filwaqt li fakkar illi l-Gvern preżenti ffirma wkoll Ftehimiet sabiex togħla l-paga tas-suldati u anke l-ħaddiema tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 

"Il-membri tal-korpi dixxiplnati magħna jafu fejn qegħdin."

Hekk kif kien qed ikellem folla kbira ta' partitarji fil-Ħamrun il-PM u Mexxej Laburista sostna li l-missjoni tal-PL hija li tittejjeb il-ħajja tan-nies u li allura kull lokalità tgawdi minn ikrupru ekonomiku. Kien f'dan il-punt li Abela għamel referenza għal wegħda oħra tal-Partit Laburista - jiġifieri li jsir studju li jiddeteremina fejn huma dawk inħawi illi jeħtieġu aktar attenzjoni. Qal illi wara li jkunu identifikati dawn il-lokalitajiet u żoni Gvern Laburista joħloq inizzjattivi li jgħinu fir-riġenerazzjoni tagħhom. 

Fosthom, hu qal illi l-Gvern se jagħti start ups ta' €15,000 lil dawk li jiftħu negozji jew kumpaniji f'dawn il-lokalitajiet filwaqt li se jirdoppja l-għotja li diġà jagħti lil dawk il-koppji li jixtru proprjetà f'Urban Conservation Area (UCA) u li jixtru f'waħda minn dawn il-lokalitajiet. L-għotja bħalissa hija ta' €15,000 għal min jixtri l-UCA f'Malta u €30,000 għal min jixtri f'Għawdex. 

Huwa elenka numru ta' proġetti li fuqhom ħadem il-Gvern fl-aħħar snin fl-Ewwel Distrett u jfakkar fil-wegħda ta' ġnien u spazju miftuħ minflok il-Fabbrika tal-Ħalib, il-proġett ta' Triq Sant'Anna li ssir pedonali u r-riġenerazzjoni ta' Albert Town u tal-Port fil-Marsa. 

"Konna aħna li għalaqna l-Power Station u li qed ngħalqu ċ-ċentu tal-Marsa," sostna Abela li tul id-diskors baqa' jisħaq fuq l-importanza tal-għaqda u li kulħadd imur jivvota sabiex l-1,000 proposta fil-manifest Laburista jsiru realtà.

 

More in Elezzjoni 2022