Grech qalb l-istudenti tal-MCAST; Iwiegħed li jħallas il-bolla tal-istudenti li jaħdmu part-time

'Minjaf kemm-il darba għamilt resits u qadt nistudja fis-sajf. Imma qatt ma qtajt qalbi!' - Bernard Grech 

Aktar kmieni llum il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech żar lill-istudenti fl-MCAST bħala parti minn serje ta' diskussjonijiet li se jsiru din il-ġimgħa. Grech stess saħaq li kien il-Partit Nazzjonalista li ħolom bl-MCAST u llum il-ġurnata, il-kulleġġ huwa ta' suċċess kbir. 

Bit-tema ta' "Għall-Futur tagħna", Grech ġie mistoqsi għadd ta' mistoqsijiet mill-istudenti tal-MCAST stess. Uħud mill-aktar affarjiet għall-qalb il-Kap tal-Oppożizzjoni kienu l-attivitajiet voluntarji u l-arti u filwaqt li saħaq li l-flus huma importanti, stqarr li l-flus mhux kollox. Tant hu hekk li saħaq li s-settur volontarju jagħti sodisfazzjon kbir. Madankollu huwa fakkar li għal dawk l-istudenti li jaħdmu waqt li jistudjaw biex isostnu ruħhom fakkar li l-PN qiegħed jipproponi li l-Gvern immexxi mill-PN iħallas il-bolla tal-istudenti biex jieħu l-paga sħiħa. 

Huwa stqarr mal-istudenti li ż-żgħażagħ, jiġri x'jiġri m'għandhomx jaqtgħu qalbhom. Tant li huwa stess irrimarka li waqt li kien student universitarju, mhux l-ewwel darba li kellu jagħmel xi resit. "Mhux kemm-il darba taqa' li jgħodd iżda kemm-il darba terġa' tqum u tibqa' għaddej". 

Intant tul din id-diskussjoni Grech fakkar numru ta' proposti li l-PN ressaq bil-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-istudenti u jgħinhom jaslu għall-karrieri li jixtiequ. Fost dawn huwa semma: 

  • Żieda ta' 25% fl-istipendji; 
  • L-għaxar setturi ekonomiċi ġodda; 
  • Għotja ta' €500 għall-kull żagħżugħ/a għal esperjenzi lil hinn minn Malta; 
  • Glucose Monitors għall-pazjenti bid-dijabete tat-tip 1 għal kulħadd;
  • Gvern immexxi mill-PN ikopri 35% tas-salarju tal-apprendisti ingaġġati.

More in Elezzjoni 2022