Il-PM iħabbar ftehim biex jonqos l-impatt tal-istorbju mill-Freeport

Abela jgħid ukoll li l-punt ta' tluq huwa li jkollna sajf tradizzjonali u normali bl-organizzazzjoni tal-festi 

Intervistat minn Claire Agius, il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista saħaq dwar l-importanza tal-infrastruttura marittma, iżda insista li minkejja l-importanza tal-freeport, dan m'għandux ikun għad-detriment tar-residenti ta' Birżebbuġa. Huwa qal b'referenza għall-ftehim ġdid li ntlaħaq mal-Malta Freeport terminals li jinbena moll ġdid aktar 'il barra biex ma jagħmilx storbju għar-residenti tal-lokal. 

"Il-prinċipju warajh kien li rridu nifmu li l-infrastruttra hija essenzjali għall-pajjiż. Il-fatt li aħna gżira, is-settur marittimu hu kruċjali għalina. Imma aħna nistgħu ngħidu li għax hi meħtieġa l-infrastruttura marittima ninjoraw il-bżonnijiet tar-residenti tal-lokalita? Assolutament, le," saħaq Abela. Huwa fakkar li fil-passat r-residenti ta' Birżebbuġa diġa ngħataw inċentivi fosthom dik tad-double glazing biex jonqos l-istorbju.

Minkejja dan il-Prim Ministru saħaq li r-realtajiet tal-freeports kollha madwar id-dinja hija li dawn jikkompetu ma' xulxin għall-klijenti. Jgħid li l-operaturi jagħżlu liema freeport li jridu jħaddmu bbażat fuq l-effiċjenza u kemm jirnexxielhom jgħabbu u jħottu minn fuq il-bastiment, f'siegħa. Saħaq li din l-għaġġla twassal għal aktar storbju li jsir mill-freeport. 

Kompla jgħid li, "il-freeport tagħna kontinwament jinsab f'kompetizzjoni mal-freeport tal-Greċja" u dan jiġifieri li l-Gvern ma jistax jaghmel miżuri li jnaqqas l-effiċjenza għax pajjiżna jitlef mix-xoghol. Abela kompla jispjega li mill-konċessjoni li ġiet iffirmata f'amministrazzjoni preċedenti, din kienet tagħti d-dritt li l-operaturi jespandu l-operat tagħhom f'terminal 1 fil-west key, u li fiha jistgħu jiġu nsallati l-krejnijiet. Dan kien ifisser "tiżbit ta' kontejners fuq il-karrijiet għax biex tkun effiċjenti trid tgħaġġel u dan ifisser inkonvenjent kbir għar-residenti." 

"Ma nistgħux nabbandunaw lin-nies ta' Birżebbuġa u ntlaħaq ftehim li jċedu d-drittijiet tal-west key li jinsallaw il-krejnijiet, favur il-kommunità ta' Birzebbuga u l-ftehim li lħaqna magħhom hu li jsir l-moll aktar 'il barra u jsir investiment infrastrutturali u hemm isorġu l-bastiment li jfisser li l-operat faċċata tan-nies se noħorguh 'il barra biex ma jkunx hemm inkonvenjent." 

Minn naħa l-oħra huwa saħaq li parti mill-ftehim huwa li dawk il-kontejners li jħottu l-merkanzija tagħhom permezz ta' rampa, bħal karozzi, dan ma jsirx fil-ħin tal-mistrieħ. 

Il-Każin tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa, waħda mill-benefiċċjarji
Il-Każin tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa, waħda mill-benefiċċjarji

'Akar minn tradizzjoni, jien inqis il-festi bħala dawk li jiddefenixxu l-identità tagħna'

Abela jisħaq li s-settur tradizzjonali tal-festi u l-każini, apparti t-turiżmu kien wieħed mill-iktar milqut kawża tal-Covid-19. "Kien għalhekk li meta ntlabna nagħtu l-għajnuna, kemm finanzjarju u kif ukoll dak ġenerali, dejjem rajna li nkunu attenti. B'mod partikolari mal-għaqda li tirregola s-settur. Jiena nqis il-festi aktar milli tradizzjoni huma dawk  li jiddefenixxu l-identità tagħna. Tant kemm huma xi ħaġa għall-qalb il-Maltin. Tara wkoll kemm hu b'saħħtu s-settur tal-kontribut volontarju speċjalment meta tara liż-żgħażagħ," qal Abela.

Abela fakkar ukoll dawk l-inizjattivi li għenu lil dan is-settur fosthom; 

  • Jingħata għajnuna lill-għaqdiet mużikali biex jinkoraġixxu lit-tfal idoqqu strument mużikali.
  • Restawr ta' armar tradizzjonali. 

Dan apparti li semma l-każini tal-baned li, "fl-aħħar snin kienu f'sogru kbir li jintilfu. Hemm intervjenejna bħala Gvern, b'inizjattiva li tiswa miljun ewro." Din l-inzjattiva kienet li l-Gvern jixtri l-każini mis-sidien u mbagħad il-gvern jidħol fi ftehim ma' dik l-għaqda partikolari. 

"Għax nemmnu fis-settur, wasalna għal mod ta' kif nipproteġu, sa' fejn ikun possibli, il-każini tagħna u l-għaqdiet li joperaw fihom milli jiġu żgumbrati," stqarr il-Prim Ministru. 

Dan filwaqt li saħaq li anke lil dawk li diġa xtraw il-każini tagħhom, se jingħataw għajnuna oħra fosthom fir-restawr. 

"Jiena nemmen li l-punt ta' tluq hu li jkollna sajf tradizzjonali u normali li jfisser l-organizzazzjoni tal-festi tagħna. Dak li kellna nagħmlu fuq il-pandemija għamilnih, meta kien il-mument li nagħmlu r-resitrzzjonijiet għamilnihom u meta kien hemm bżonn irrilaxxjanihom. Issa hu l-mument li nibqgħu mexjin b'mod organizzat," temm jgħid il-Prim Ministru.

More in Elezzjoni 2022