Il-Prim Ministru jippreżenta t-tim ta’ 69 kandidat Laburista ... 23% biss huma nisa

Robert Abela qal li ż-żewġ partiti għandhom l-istess numru ta’ kandidati femminili u li 'rridu naspiraw għal iktar kandidati femminili f’elezzjoni ġenerali'

“Malta flimkien. Il-futur sabiħ. Kunfidenti minn dan għax kif urejna fl-aħħar snin u sa mill-bidu tal-kampanja elettorali għandna pjan b’saħħtu għal pajjiżna. Fiduċjuż ukoll għaliex għandna tim kompetenti u kredibbli, li jinsab lest li bil-fiduċja tal-poplu dan il-pjan jagħmlu realtà.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta llum ippreżenta t-tim ta’ 69 kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu.

Il-Prim Ministu saħaq li l-elettorat quddiemu għandu għażla ċara ħafna bejn il-futur u l-passat. Dak li qed joffri l-Partit Laburista bil-manifest elettorali tiegħu mibni fuq il-bżonn li "ntejbu l-kwalità tal-ħajja u li fih hemm elf proposta għall-futur isbaħ jew inkella l-passat, bl-istess ħsieb ta’ qabel l-2013." 

Il-Prim Ministru sostna li r-raġuni għaliex dan it-tim jistħoqqlu l-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi hija li it-tim ta’ kandidati Laburisti huwa wieħed magħqud li joffri ċertezza u stabbiltà f’mument fejn madwar id-dinja qed tirrenja l-inċertezza u l-instabbiltà. "Tim ta’ persuni li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja u li qed jingħaqdu flimkien għal għan wieħed: il-futur ta’ pajjiżna," spjega l-Prim Ministru filwaqt li għamel stedina lil poplu biex jingħaqad ukoll għal dan il-għan. 

“Dawn il-persuni, flimkien mal-kelma tiegħi u l-mod studjat kif fassalna l-proposti tagħna, huma l-garanzija li l-proposti li ressaqna ‘l quddiem se jkunu implimentati b’suċċess. Mat-tim kompetenti li wera kif tmexxi fl-agħar kriżi, waqt pandemija, għandna wkoll numru ta’ kandidati ġodda. Nofs il-kandidati qed jikkontestaw għall-ewwel darba. Kandidati ġodda b’esperjenza f’oqsma differenti; professjonali, sportivi, il-volontarjat, is-saħħa u l-edukazzjoni fost oħrajn. 23% huma kandidati taħt il-ħamsa u tletin sena. 23% huma kandidati nisa,” ħabbar il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru tenna li rridu naspiraw għal iktar kandidati femminili f’elezzjoni ġenerali. Huwa qal li ż-żewġ partiti għandhom l-istess numru ta’ kandidati femminili u dan hu konferma ta’ kemm huma importanti r-riformi fuq l-ugwaljanza li se jibdew ikunu mħaddma minn din l-elezzjoni. Iżda huwa emfasiżża li jekk mhuwiex kuntent bin-numru, żgur huwa  kuntent bil-kwalità ta’ kandidati nisa li għandu l-Partit Laburista.  

“Dan it-tim kollu, flimkien mas-soċjetà b’mod ġenerali, diġa’ taw kontribut qawwi fit-tfassil tal-manifest  li fuqu se nibnu l-futur ta’ pajjiżna. Elf proposta li se jsiru elf kisba għal pajjiżna. Pjan sod, li bdejna nispjegawh mill-ewwel ġurnata u issa hu ssiġġilat lest għall-approvazzjoni tal-elettorat. Għalhekk b’wiċċi minn quddiem insostni li qed noffru għażla b’saħħitha lill-poplu Malti u Għawdxi. Kemm f’dak li hu ideat, u kif ukoll f’min se jħaddem dawk l-ideat. Id-differenza qed tidher fuq kull livell. Għall-futur isbaħ mibni fuq tliet prijoritajiet: Malta isbaħ, 

Kwalità ta’ ħajja aħjar u Opportunitajiet għal kulħadd,” temm jgħid il- Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.

More in Elezzjoni 2022