‘Mhux aċċettabbli li f’pajjiż ċivilizzat ikun is-servizz tas-saħħa stess li jwassal lin-nisa f’xifer il-mewt’

L-ADPD jwiegħed ċarezza fil-liġi u dikriminalizzazzjoni tal-abort fejn jikkonċerna nisa fil-periklu tal-mewt, tqala frott ta’ stupru u tqala frott ta’ inċest.

Il-Partit ADPD jisħaq li hemm ħtieġa urgenti li ssir enfasi ikbar fuq l-edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali u reproduttiva fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva sabiex “insaħħu sens ta’ responsabbiltà ta’ kulħadd.”

Dan intqal miċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo waqt konferenza stampa l-Belt Valletta dalgħodu, fejn tkellem dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva. Huwa qal li “dwar l-abort il-Partit tal-Ħodor qiegħed jagħmel żewġ proposti ċari.”

“L-ewwel li jkun hemm dikriminalizzazzjoni. L-ebda mara li tagħmel abort, irrispettivament mir-raġuni, ma’ għandha tkun ittrattata kriminalment,” saħaq Cacopardo. Huwa stqarr illi mara li tagħmel abort ikollha bżonn l-għajnuna u mhux persekuzzjoni filwaqt li hu neċessarju li s-soċjetà turi empatija.” enfasizza Cacopardo.

Enfasizza li l-empatija waħedha pero’ mhiex biżżejjed u jeħtieġ li tkun tradotta f’azzjoni speċifika. Dik li titneħħa mill-kodiċi kriminali t-theddida ta’ azzjoni kriminali. “Dan ikun sinjal ċar tas-soċjetà tagħna, li hemm il-volontà li ngħinu lil kull mara li tiffaċċa diffikultajiet waqt it-tqala,” qal miċ-Chairperson tal-ADPD.

It-tieni proposta hi dwar il-miżuri mediċi fil-konfront ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala li skont l-ADPD m’hemmx ċarizza dwarhom. 

“Aħna qed nipproponu li din in-nuqqas ta’ ċarezza ma tibqax. Il-liġi teħtieġ emendi ċari biex ikun ċar dwar x’interventi mediċi jistgħu jsiru waqt tqala li tkun qed tipperikola l-ħajja ta’ mara tqila,” insista Carmel Cacopardo.

Huwa qal kif għalkemm s’issa f’Malta ma kellna l-ebda mewt li jafu biha riżultat ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala, “l-informazzjoni mingħand it-tobba turi li kien hemm diversi każi fejn konna viċin ħafna.”

Każ partikolari li Carmel Cacopardo semma waqt il-konferenza u anke fid-dibattitu li seħħ il-Ħamis mill-KSU huwa l-każ ta’ Maltija-Kanadiża li t-tobba f’Mater Dei irrifjutaw li jintervjenu. Hi kellha tkun evakwata fi klinika Parigi b’abulanza tal-ajru bl-appoġġ tal-insurance tagħha. Dan huwa każ li jmur lura għall-2019. 

“Mhux aċċettabbli li f’pajjiż suppost ċivilizzat ikun is-servizz tas-saħħa li jwasslu n-nisa f’xifer il-mewt,” temm jgħid Cacopardo.

‘Is-saħħa mentali kultant qisha is-Cinderella tas-servizz tas-saħħa

Fl-istess konferenza tkellem kandidat ieħor tal-ADPD, Anthony Buttiġieġ li se jkun qed joħroġ fuq l-ewwel u l-10 Distrett. Għaldaqstant huwa tkellem dwar is-saħħa mentali fejn irrefera għaliha bħala “is-Cinderella tas-servizz tas-saħħa.”

“Tul il-pandemija tal-COVID-19 kien hemm pandemija oħra, dik ta’ saħħa mentali. Rajna żieda enormi ta’ kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali, bis-servizzi li noffru ovvju li mhux biżżejjed. Dan qed jirrifletti ruħu dejjem iktar fi problemi ta' saħħa mentali fil-komunità,” qal Buttiġieġ.

Huwa saħħaq li hemm ħtieġa dejjem ikbar ta' investiment fis-saħħa mentali b’servizz aħjar fil-komunità. Fil-fatt hu żied jgħid li “meħtieġ bla aktar dewmien sptar ġdid flok l-isptar Monte Carmeli b’faċilitajiet moderni u dinjitużi għal każijiet akuti ta' saħħa mentali.Filwaqt li l-Fondazzjoni Richmond u organizazzjonijiet oħrajn mhux governattivi li jaħdmu favur is-saħħa mentali fil-komunità jeħtieġu iktar għajnuna.” 

 

 

More in Elezzjoni 2022