Saviour Balzan | U waqt li għaddejja l-gwerra aħna qisna fi żmien il-Milied!

Jiġi l-Ħadd u tisma' lil Robert Abela u lil Bernard Grech iwegħdu l-ilma jizfen u li se jagħtu hekk u se jagħtu l-oħra u kulħadd ser ikun aħjar u ser ikollna aktar flus fil-but

Jien lanqas dubju ma għandi li m'hemmx vot wieħed, li huwa wieħed, li huwa ispirat mill-kontenut u l-proposti tal-manifesti jew l-programmi elettorali tal-partiti politiċi. Jiġifieri lanqas ħaqq li kulħadd qisu Father Christmas iqassam ir-rigali, qisu xejn mhu xejn.  Qisu money no problem!  

Ħriġna jew ħerġin mill-pandemija Covid-19 u għamilna sentejn nqassmu l-flejjes qisu xejn mhu xejn. Issa għax ġiet l-elezzjoni erġajna qed inwegħdu żidiet u tnaqqis fit-taxxa li huma ġenerużi ħafna, imma li ċertament mhux qed iħarsu lejn id-dinja li għandna quddiemna. Dinja li ma tridx tkun l-għaref ta’ Salamun biex tinduna x’ser jiġri fiha dalwaqt.  Li ser jiġri hu li ser ikollna inflazzjoni tboss u problemi kbar fil-loġistika! 

Diġà konna ‘ottu’ minħabba l-Covid-19, issa ġejna aħjar minħabba l-gwerra ta’ Vladimir Putin. Gwerra li l-Amerika kienet taf sew li ġejja u meta ġiet għamlet dak li setgħet tagħmel biex żgur ma jkunx hemm xi impatt fuq il-ħajja ta’ xi suldat Amerikan.  Qabda sanzjonjiet li ser ikollhom impatt dirett fuq in-nies iż-żgħar u fuq kollox l-ekonomija tal-Ewropa.  

Is-sanzjonijiet mhux ser iwaqqfu il-ġenn tal-President Russu Vladimir Putin, anzi ser ikompli sakemm il-kapitali Kyiv tispiċċa taħt il-poter amministrattiv Russu. 

Insomma li ser jiġri żgur hu li l-prezz taż-żejt u tal-gass, tal-qamħ, tal-prodotti tal-ikel, il-loġistika u l-metalli bħall-aluminju, t-titanju u ħafna oħrajn ser ikunu skarsi jew inkella bi prezzijiet inkreddibilment redikoli u għoljin.   

U apparti hekk, kull nazzjon ser jispiċċa jonfoq aktar fuq l-armata u b’hekk inqas fuq is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent. 

Li jfisser illi dan ser jirriżulta f'żidiet fil-prezzijiet b’mod massiċċ.   

Imbagħad jiġi l-Ħadd u tisma' lil Robert Abela u lil Bernard Grech iwegħdu l-ilma jizfen u li se jagħtu hekk u se jagħtu l-oħra u kulħadd ser ikun aħjar u ser ikollna aktar flus fil-but. 

Hija fl-opinjoni umli tiegħi, li meta tgħaddi l-elezzjoni min ser ikun Prim Ministru ser ikollu jaffaċċja r-realtà ta’ prezzijiet esaġerati u inflazzjoni inkontrollabli.  Min qed joħlom li jimplimenta dawn il-wegħdiet mingħajr l-iċken kunsiderazzjoni għall-istat tal-finanzi tal-pajjiz ikun qed ikun irresponsabbli, bla sens u bla rispett lejn il-pajjiż. 

Waqt li r-Russja ta’ Vladimir Putin qed jkissru u joqtlu, aħna noqgħodu nisfidaw l-Ors Russu bis-sanzjonijiet.  Jew inkella nwegħdu lill-Maltin li se nnaqqsu t-taxxa u nżidu l-benefiċċji. U le, le! 

Għalhekk insib ftit ta’ serħan il-moħħ meta niftakar fil-poeżiji ta’ Wilfred Owen, poeta Ingliż magħruf għall-kitbiet dwar l-gwerra u t-titlu ta’ l-iktar poeżija famuża tiegħu: Dulce et decorum est pro patria mori' li jfisser ‘huwa oneruż u bżonn li tmut għall-pajjiżek.’ 

U meta taħseb f’kemm mietu nies fi gwerer ma tistax ma taqbilx! 

More in Elezzjoni 2022