'Bidlu l-kaptan tagħhom f'nofs maltempata u ppruvaw jifirdu pajjiż ... iżda ma' ħallejnihomx'
Abela, fid-dawl tal-gwerra, jisħaq li Malta se tibqa' tgħożż in-newtralità biex tkompli sseddaq il-paċi'
minn Anthea Cachia
Milqugħ minn folla numeruża, l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fakkar li bħal għada sentejn Malta rat l-ewwel każ ta' Covid-19. Saħaq li filwaqt li l-Gvern kien qed jaħdem għall-ġid tal-pajjiż, "sibna quddiemna l-Oppożizzjoni, li għamlet il-pandemija ballun politiku."
"Tinsew qatt kemm ħadu gost bid-deni kemm kienu lesti li jmorru kontra l-pariri u jfixklu. Fl-aktar mument li l-pajjiż kellu jkun magħqud, infirdu huma. Bidlu l-kaptan tagħhom f'nofs maltempata u pruvaw jifirdu pajjiż iżda ma' ħallejnihomx," qal Robert Abela.
Abela saħaq li l-persuni li ħolqu l-instabbilità fil-Partit Nazzjonalista u poġġew lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fuq is-siġġu, "jekk jiġu fdati fl-elezzjoni ġenerali, huma jkunu l-ministri li jmexxu dan il-pajjiż."
B'reazzjoni qawwija għal dan mill-udjenza, Abela kompla jgħid li l-għażla tal-poplu, "se tkun bejn min joffri ċertezza u stabbilità f'mument diffiċli jew minn joffri firda u instabbilità. F'mument meta t-tmexxija għandha tkun iffukata fuq li tieħu deċiżjonijiet importanti, staqsu lilkom infuskom jekk inthomx lesti li tieħdu dan ir-riskju."
"Sentejn ilu bdejna naraw l-effetti fil-pajjiżi ġirien tagħna. Konna lesti biex nilqgħu l-agħar u quddiem l-effetti għarafna l-prijoritajiet. Konna fost l-aqwa pajjiżi li ġġilidna l-pandemija u dan ma ngħidux jien biss iżda l-esperti lokali u internazzjonali," kompla jgħid Abela.
Il-mexxej tal-PL saħaq li sa' din il-ġimgħa stess d-direttur reġjonali għall-Ewropa tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) Hans Kluge, li kien f'pajjiżna, stqarr li Malta kienet "iċ-champion", bil-mod ta' kif iġġieled il-pandemija. "Dan hu r-riżultat meta Malta taħdem flimkien," qal Abela.
'Gwerra li tħassibna mhux biss bħala politiċi iżda bħala bnedmin ukoll'
Intant Abela għamel referenza għall-gwerra tal-Ukrajna u r-Russja, li tinsab fuq l-għatba tal-Ewropa. Huwa qal li din il-gwerra se daħħal l-instabbilità fil-kontinent Ewropew u madwar id-dinja kollha u li din hija gwerra li, "tħassibna mhux biss bħala politiċi, li nieħdu d-deċiżjonijiet, iżda anke bħala bnedmin. Aħna forza politika. Pajjiżna dejjem emmen fil-paċi. Bħala poplu rridu nibqgħu ngħaddu messaġġ b'saħħtu favur il-poplu Ukren."
Jgħid li minkejja ċ-ċokon ta' pajjiżna, Malta tibqa' pajjiż li tgħożż in-newtralità biex jibqa' jseddaq il-paċi. Sostna li dawn iċ-ċirkostanzi, "jġiegħluna nifhmu aħjar x'piż għandhom id-deċiżjonijiet li rridu nieħdu flimkien. Kif tmexxija ta' pajjiż ma tistax tittieħed for granted."
'Iva kien hemm mumenti fejn stajna konna aħjar, għal dawk inthom ma' taħtu xejn'
Abela stqarr li f'Jannar tal-2020 huwa daħal għat-tmexxija biex il-PL jitgħallem mill-mumenti, "fejn stajna konna aħjar u għal dawk il-mumenti inthom ma taħtu xejn." Jgħid li ma kienx perfett iżda flimkien, "ħadna deċiżjonijiet diffiċli biex nindirizzaw dawk il-mumenti. Għalhekk neħtieġkom miegħi għax hemm bżonn min jemmen fit-tajjeb."
"Aħna ngħixu biex infasslu Malta tal-futur. Jiena tajt kelmti, li filwaqt li nibnu fuq it-tajjeb, se nbiddlu fejn hemm bżonn. Kellna rapport negattiv tal-moneyval u biddilnih u fl-aħħar jiem l-FATF qaltilna wkoll kemm ħdimna. Jekk qatt ma waqafna nkunu kburin b'pajjiżna fiż-żmien li ġejj se nkunu aktar kburin," qal Abela.
Intant huwa indirizza lill-poplu kollu u qal," lil dawk li qed iħarsu lejna għax huma ddiżappuntanti kif il-PN falla u jibqa' jfalli milli jqum għall-okkażjoni, nistedinhom iħarsu sew lejn dak li qed noffru. Malta flimkien għal; dawk li dejjem kienu mal-PL, dawk li ngħaqdu fil-moviment, dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba u flimkien nagħmlu tim Malta. Magħkom irrid naħdem biex nilħqu l-aspirazzjonijiet ġodda ta' dan il-pajjiż."
'Iridukom temmnu li l-elezzjoni mhux se tbiddel wisq'
Abela irrefera għall-PN u qal li "żgur li ndunajtu x'qed jipprovaw jagħmlu. Iridukom temmnu li l-elezzjoni mhux se tbiddel wisq. Hemm min irid iġiegħel lill-poplu jemmen li jista' jibqa' d-dar għax 'id-deċiżjoni lesta'. Għax hawn min hu lest li kull vot li ma jidħolx fil-kaxxa jinterpretah li huwa vot għalih."
F'indirizz ieħor lill-udjenza Abela saħaq li meta l-poplu ngħaqad u vvota lill-PLtaw ċans lil dan il-pajjiż biex jikber, isaħħaħ id-dirttijiet ċivili u joħloq ġid, li laħaq aktar nies. "Mingħajrkom ma kienx ikollna childcare b'xejn, ma kienx ikollna l-aktar proġetti infrastrutturali fl-istorja, ma konniex innaqsu l-faqar u nżidu l-pensjonijiet. Dan kollu grazzi għalikom," żied jgħid Abela.
Fl-aħħar Abela temm jgħid li, "l-futur se nidħlu għalih b'fiduċja, b'ottimiżmu u realiżmu. Fiduċja li bħala pajjiż nistgħu niksbu aktar. Ottimisti li l-familji tagħna se jgawdu minn ħajja aħjar. Kif ukoll realiżmu ta' poplu li jaf li ħiereġ mill-pandemija, f'dinja li tibqa' toffri sfidi li m'humiex żgħar".
